Il-frodi finanzjarja qed issir aktar sofistikata u mifruxa, tant li anke persuni kawti jistgħu jaqgħu vittma. Wieħed mill-aktar tipi komuni ta’ frodi hu l-Bank Impersonation, fejn il-frodisti jippretendu li huma impjegati ta’ bank jew istituzzjoni finanzjarja bħall-Bank of Valletta (BOV), sabiex jiksbu informazzjoni sensittiva jew saħansitra fondi mingħand il-vittmi.

Kif jaħdmu l-frodisti?

Il-frodisti jużaw diversi mezzi u prattiċi biex iqarrqu bil-vittmi tagħhom:

  • Telefonati minn numri li jidhru familjari u ġenwini, sabiex juru dehra ta’ serjetà u awtentiċità.

  • Emails foloz li jidhru bħal emails awtentiċi ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, billi jżidu jew ibiddlu karattru wieħed biss, bħal "b0v.com" minflok "bov.com".

  • Messaġġi fuq il-mobile li jitolbu li tagħfas link li twassal għal siti foloz, li jkunu jixbhu dawk awtentiċi, jew biex titlob informazzjoni personali.

  • Frodi online fuq il-midja soċjali

  • Personifikazzjoni ta’ individwi popolari li jħajru lin-nies jinvestu f’suppost opportunitajiet ta’ investiment, li jirriżultaw f’serq sofistikat.

Karatteristika komuni ta’ dawn it-tipi ta' differenti ta' frodi hija li l-frodisti joħolqu sens ta’ urġenza biex iġiegħlu lill-vittma taġixxi malajr mingħajr ma taħseb.

Min jista’ jaqa’ vittma?

Kulħadd jista’ jkun f’periklu li jiġi frodat. Il-frodisti m'għadhomx jimmiraw biss nies vulnerabbli; huma kapaċi jqarrqu anke b’persuni b’livell ta’ edukazzjoni u b’esperjenza.

X’għandek tagħmel jekk taħseb li ġejt frodat?

  • Ikkuntattja mill-ewwel lill-bank tiegħek u lill-pulizija.

  • Il-banek jipprovaw jirkupraw il-flus, iżda dan mhux dejjem ikun faċli, għax il-frodisti jiġbdu l-fondi mill-kont tagħhom malajr ħafna.

  • M’għandekx tagħmel transazzjonijiet jekk għandek xi suspett. Qabel tagħmel xi pass, ikkonsulta ma’ persuna ta’ fiduċja jew mal-bank.

  • Informa lill-bank u lill-pulizija anke jekk is-suspett hu żgħir - xi frodisti saħansitra jirritornaw xi ammont żgħir fl-ewwel stadju biex ikabbru l-fiduċja tal-vittma u mbagħad jisirqu ħafna aktar.

Kif tipproteġi lilek innifsek?

  • Qatt ma taqsam passwords, PINs, CVV codes jew passwords temporanji fuq telefonati, SMS jew emails.

  • Żomm kuntatt personali mal-bank tiegħek. F’każ ta’ dubju, żur il-fergħa direttament u tkellem ma’ impjegat tal-bank.

  • Il-Bank qatt ma jibgħat links f’SMS jew jitlob informazzjoni personali b’dan il-mod.

  • Uża passwords b’saħħithom, preferibbilment frażijiet twal li huma faċli għalik biex tiftakar imma diffiċli biex wieħed ibassar.

  • Tużax l-istess password għal kontijiet differenti.

  • Uża two-factor authentication fejn possibbli.

  • Dejjem ivverifika l-awtentiċità ta’ kull komunikazzjoni qabel twieġeb jew tagħmel xi azzjoni.

Għajnuna fil-każ ta’ frodi

Jekk tiltaqa’ ma’ attività suspettuża jew taħseb li tkun vittma ta’ frodi:

  • Ċempel fuq 21312020 biex tirrapporta mill-ewwel (jekk inti klijent tal-BOV).

  • Agħmel rapport fil-fergħa tal-pulizija l-aktar qrib kemm jista’ jkun malajr.

Żomm f'moħħok li kien hemm sitwazzjonijiet u każijiet negattivi anke ta’ persuni li tilfu kulma kellhom. Il-frodi u scams saru jsiru b’mod fin u qed ikun faċli li l-persuna tispiċċa taqa' vittma għax ma tkunx kapaċi tagħmel distinzjoni bejn ir-realtà u l-iscam.

Il-Bank of Valletta jkompli jsaħħaħ l-isforzi tiegħu biex jeduka lill-klijenti dwar il-frodi, sabiex jitnaqqas ir-riskju li aktar nies jaqgħu vittmi ta’ scams sofistikati li qed jiżdiedu fil-frekwenza u jkunu sottili għall-aħħar. 

Għal dan il-għan, nhar l-Erbgħa 7 ta’ Mejju, se jorganizza webinar bil-għan li jkattar l-għarfien dwar kif wieħed jista’ jipproteġġi lilu nnifsu online. Il-webinar se jkun indirizzat minn Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv tal-BOV, u Ryan Caruana, Group Chief Anti-Financial Crime Officer & MLRO. Tista’ tirreġistra hawnhekk.

Maħruġ mill-Bank of Valletta p.l.c., 58, Triq San Żakkarija, il-Belt Valletta VLT 1130. Il-Bank of Valletta p.l.c. hija kumpanija pubblika b’responsabbiltà limitata regolata mill-MFSA, liċenzjata biex toffri l-kummerċ bankarju f’termini tal-Att dwar il-Kummerċ Bankarju (Kap. 371 tal-Liġijiet ta’ Malta).


Emil Calleja Bayliss