Glen Falzon, il-preżentatur tal-programm Insights dalgħodu fuq il-mezzi soċjali qasam storja li turi l-importanza li għandha l-midja fis-soċjetà tal-lum. Hu jirrakkonta kif grazzi għall-intervista li dehret fuq Insights, persuna ddeċidiet li tkompli tgħix u tfittex l-għajnuna meħtieġa.

Glen kiteb, "Nirreferi ghall-programm Insights li għamilt dwar is-suwiċidju f'Marzu li għadda. Għadni kemm ġejt mgħarraf li fl-aħħar jiem kien hemm persuna li kienet se tneħħi ħajjitha iżda fl-aħħar mumenti ddeċidiet li titkellem ma' Romina Baldwin li dakinhar inzertat mistiedna fil-programm. Il-mara ddeċidiet li titkellem għax kienet semgħet lil Romina titħaddet dwar is-suġġett fil-programm. Il-mara bħalissa qed tiġi mitkellma u qed tiġi mħarsa mill-professjonisti."

Glen iżid, "Il-messaġġ hu wieħed: is-suwiċidju hu realtà ikbar milli naħsbu. Tiddejjaqx titkellem u tiftaħ qalbek. Teżisti l-għajnuna. Fittixha. Kull ħajja hi għażiża. Kuntent li bis-servizz tiegħi rnexxieli ngħin biex ma tintilifx ħajja innoċenti."

Prosit minn qalbna Glen! Kultant anqas biss nirrealizzaw is-saħħa tal-midja u l-influwenza ta' dak li qed tiġri madwarna kemm tista' taffettwa nies b'mod pożittiv.

Facebook / Glen Falzon


Emil Calleja Bayliss