Jista’ jkun li karriera fl-Unjoni Ewropea hija proprju dak li qed tfittex – u le, mhux biss għal dawk li jitkellmu ħafna lingwi jew għandhom lawrja fil-politika! L-UE toffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet għal kull min jixtieq jagħmel differenza, jitgħallem, u jikber f’ambjent dinamiku u internazzjonali. Ejja nagħtu ħarsa aktar mill-qrib lejn x’jista’ joffrilek dan il-vjaġġ professjonali.

Qatt ikkunsidrajt karriera mal-Unjoni Ewropea?

Aktarx smajt dwar l-Unjoni Ewropea, iżda qatt ikkunsidrajt li taħdem għaliha? U mhux qed ngħidu f’xi uffiċċju antikwat mimli nies bil-ġlekk jitkellmu mitt lingwa—għalkemm jista’ jkun li ġieli ħadt dik l-impressjoni!

Ix-xogħol fl-UE jmur lil hinn sew mill-burokrazija. Huwa xogħol miżgħud opportunitajiet eċitanti għall-karriera tiegħek, li jagħtuk opportunitajiet reali li tħalli impatt – sew jekk għandek interess fil-liġi, it-teknoloġija, jew forsi l-komunikazzjoni, il-finanzi, fost ħafna oħrajn.

Għala għandi nikkunsidra impjieg mal-UE?

Ejja nibdew bit-tajjeb: x’hemm għalija? Ibda biex, Brussell u l-Lussemburgu huma postijiet tax-xogħol dinamiċi sew—jekk tħobb l-isfidi, u tħobb taħdem f’ambjent inklussiv fejn kull ġurnata hija differenti, mela din tista’ tkun opportunità għalik. Tkun qed taħdem ma’ nies intelliġenti u motivati minn madwar l-UE kollha (u mhux biss), fuq proġetti li jħallu impatt fuq miljuni ta’ nies. Sew jekk hux it-tfassil ta’ liġijiet li jipproteġu l-ambjent, jew ta’ politiki biex jittejbu d-drittijiet diġitali, jew ħidma biex jiġu indirizzati sfidi kummerċjali globali, ix-xogħol tiegħek jista’ jkollu effetti reali.

L-UE toffri wkoll opportunitajiet tajbin għall-iżvilupp personali u professjonali, kif ukoll ħafna benefiċċji oħrajn. Jekk għadek kemm temmejt l-istudji universitarji, jew forsi diġà ilek xi snin taħdem, l-UE għandha għażliet għalik. U le, m’hemmx għalfejn tkun taf titkellem b’ħames lingwi u tkun gradwat fil-liġi! Hemm pożizzjonijiet f’firxa ta’ oqsma—mill-IT, sal-komunikazzjoni, sal-ekonomija, li huma disponibbli għal nies b’firxa wiesgħa ta’ ħiliet.

U mhux xogħol biss...

Minbarra x-xogħol innifsu, meta taħdem għall-UE jkollok benefiċċji li ħafna xogħlijiet tradizzjonali ma jistgħux jikkompetu magħhom – fost dawn: ħinijiet tax-xogħol flessibbli, opportunitajiet għall-ivvjaġġar (iva, aktarx iżżur pajjiżi oħra tal-UE), u sigurtà tal-impjieg. Barra minn hekk, tkun parti minn xi ħaġa akbar minnek, u tgħin biex issawwar il-futur tal-Ewropa u tifforma parti minn proġetti li jagħmlu differenza ta’ veru.

U filwaqt li hemm ħafna nies li jaħsbu li x-xogħol għall-UE huwa xi ħaġa esklussiva, il-verità hi li l‑istituzzjonijiet tal-UE għandhom aktar diversità milli forsi timmaġina. Il-ħaddiema jiġu minn bosta sfondi, u hemm firxa wiesgħa ta’ rwoli li ma jeħtiġukx li tkun espert fil-politiki jew li tkun minn ta’ ġewwa f’xi partit politiku.

L-ewwel passi

Jista’ jkun li qed taħseb: “Allura minn fejn nibda?” B’xorti tajba, mhijiex biċċa xogħol kumplikata. L-UE ta’ sikwit tagħmel kampanji ta’ reklutaġġ (żur www.eu-careers.eu jew segwi EU Careers fuq il-mezzi soċjali), u ssib bosta opportunitajiet biex tidħol: minn traineeships u internships għall-istudenti u l-gradwati, sa impjiegi li minnhom tibda karriera twila u varjata. U l-aqwa ħaġa? Miftuħin għal kulħadd - ma tridx tkun xi avukat jew ekonomista b’ħafna esperjenza biex tapplika.

Għalhekk, jekk qed tfittex xogħol li joffrilek sfida, sodisfazzjon, u jagħtik opportunitajiet biex tiżviluppa professjonalment u personalment—waqt li tagħmel differenza – għala ma tikkunsidrax l-UE? Hija aktar aċċessibbli milli taħseb!


Gwida.mt