K9 Search and Rescue Malta hija Organizzazzjoni mhux Governattiva (NGO) magħmula minn voluntiera bil-klieb tagħhom. L-għaqda tispeċjalizza fil-preparazzjoni tal-membri tagħha sabiex jirrispondu b’mod effettiv f’każ ta’ emerġenzi.

Nhar is-Sibt li għadda 24 ta' Frar 2024, it-tim organiżża simulazzjoni ta' Tiftix u Salvataġġ impenjattiv biex jipprepara lill-membri tiegħu għal emerġenzi fil-ħajja reali.

Ix-xenarju twaqqaf fil-kumpless White Rocks u kien jinvolvi simulazzjoni ta’ splużjoni u tnixxija ta' gass, fejn it-timijiet tal-K9 intbagħtu biex isibu il-persuni nieqsa qalb it-tifrik.

Saret kollaborazzjoni bejn K9 u St. John Rescue Corps biex din is-simulazzjoni kienet waħda effettiva u ta’ suċċess. Filwaqt li t-timijiet tal-K9 esploraw bir-reqqa ż-żona għal persuni nieqsa, St John Rescue Corps wettqu rwol important ħafna biex jipprovdu assistenza medika immedjata lill-midruba.

Importanti li jkun hemm koordinazzjoni tajba bejn għaqdiet differenti waqt ir-rispons għal emerġenza. K9 tkellmu ma' Gwida.mt fejn qalu,

"Barra minn hekk, kien ta’ pjaċir tagħna li uffiċjali tal-Protezzjoni Ċivili ingħaqdu magħna bħala osservaturi, u enfasizzaw il-ħtieġa għal kollaborazzjoni kongunta fl-ippjanar ta’ pjanijiet għar rispons immedjat f’kas ta’ dizastri u emergenzi. Nemmnu li din l-esperjenza turi kemm it-timijiet tagħna huma ddedikati kif ukoll il-valur ta’ taħriġ kontinwu u kollaborazzjoni fil-qasam tal-preparazzjoni għall-emerġenza."

Prosit lil dawk kollha involuti!


Gwida.mt