Ftit żmien qabel il-Milied, it-tim tagħna kellu ċ-ċans li jitkellem ma' Lino Mintoff. Wiċċ li żgur ħafna tafu u li rajtuh jew jirreċta fuq it-televiżjoni lokali. Aħna għadna kelmtejn miegħu biex insiru nafuh aħjar u kif jgħaddi dawn il-jiem. 

Liema huma l-isbaħ memorji tiegħek ta’ żmien il-Milied?

Il-Milied huwa l-isbaħ żmien tas-sena li jġibli memorji sbieħ mal-familja. It-tiżjin għall-ġurnata tal-Milied, l-antiċipazzjoni ta’ tfal li konna nistennew bla sabar is-sorpriża tar-rigali. L-armar tas-siġra tal-Milied. Il-quddiesa tan-nofs il-lejl li għalkemm kont inkun nofsi rieqed xorta kienet xi ħaġa mhux tas-soltu li ndumu imqajmin sa tard bil-lejl.

Dan kollu kien iwassal għall-avveniment tas-sena fejn iz-zijiet, l-kuġini u l-familja tiegħi konna niltaqgħu għand in-nanna għall-ikla tal-Milied. Id-diżerta kienet tkun spettaklu meta in-nanna kienet tixgħel b’sulfarina l-brandy li tkun għadha kemm roxxgħet fuq il-pudina tal-Milied! U kulhadd iċapċap.

Kif l-aktar tħobb tqatta' l-ħin liberu tiegħek?

It-tentazzjoni hija li nintefha fuq xi sufan u ma nqumx minn hemm wara ġimgha xoghol impenjattiva. Però nirreżisti u noħroġ nimxi li huwa l-gost tiegħi. Naqra u nara xi serje televiżiva. 

Ħafna jafuk minn fuq Dejjem Tieghek Becky. Liema hija l-isbaħ memorja li għandek waqt il-produzzjoni?

Din is-serje kienet wahda li ħdimt fiha għal ħafna staġuni u kienet popolari ħafna. Il-karattru ta’ James żviluppa minn staġun għall-iehor u kellu dejjem xi avventura fir-relazzjoni tiegħu ma’ Becky. Niftakar iż-zmien li konna nqattgħu fuq il-cruise liners biex niġbdu ħafna mix-xeni fuq il-vapur u fuq l-art barra minn Malta peress li James imbagħad anki Becky kienu jaħdmu fuq il-cruise liners.

Kienet tkun impenjattiva ħafna imma l-astmosfera tal-vjaġġ fuq il-vapur kienet tkun sabiħa. Niftakar li mhux l-ewwel darba li kienu jiġu passiġġieri fuqi biex jsaqsu jew jitolbu xi ħaġa għax kienu jaħsbuni naħdem fuq il-vapur bis-serjetà.

Liema persuni kienu dejjem ta’ ispirazzjoni għalik?

Fil-hajja tiegħi meta kont għadni ġuvni kelli x-xorti li nkun fil-qrib ma’ ħassieb Ġezwita li kien importanti fil-formazzjoni tiegħi fejn jidħlu valuri u perspettiva tal-ħajja. U kelli ix-xorti ukoll li niltaqgħa ma’ persuna Ingliza, li għamlet żmien Malta, li kienet tagħtini t-taħriġ u rawmitli n-namra tat-teatru u teknika tar-reċtar.

Maż-żmien, fid-dinja tar-reċtar kelli persuni bħal Stanislavski, Grotowski u Eugenio Barba u oħrajn li spirawni fit-teknika speċika tat-teatru.

X’messaġġ għandek għan-nies fi żmien il-Milied.

Insibha diffiċli nagħti messaġġi imma jekk ikolli nirrispondik ngħid jalla kulhadd ifittex u jsib il-paċi u s-sliem f’dawn iż-żminijiet li l-ħin kollu nisimgħu bi gwerer u konflitti. Barra mil-istress tal-ħajja ta’ kuljum. Jalla dan il-perjodu ikun ta’ faraġ u żvog li jagħti serħan u divertiment.


Bernard Xuereb