Teresa Ruglio, Nicole Vella u Rebecca Pace - dawn huma it-tliet tfajliet li ser jirrapreżentaw lil Malta fi tliet konkorsi internazzjonali ewlenin madwar id-dinja f’Diċembru li ġej. Teresa Ruglio, ta’ 23 sena imwielda l-Venezwela iżda tgħix tas-Sliema, ser tikkompeti f’Miss Universe li ser jitella' ġewwa Atlanta, Georgia fl-Amerka fit-8 ta’ Dicembru, fejn ser tikkompeti ma mitt pajjiż ieħor.

Teresa rebħet il-konkors Miss Universe Malta minn fost ħamsa u għoxrin kontestanta f’Lujlu li għadda waqt konkors li xxandar b’mod dirett fuq l-istazzjon nazzjonali TVM. Miss Universe Malta hija mmexxija minn Alan J. Darmanin u Jeff Francalanza, diretturi tal-kumpanija Glow Promotions.

Ritratt: Benjamin Sant - SnapArt

It-tieni tfajla hi Nicole Vella ta’ 20 sena li toqgħod ir-Rabat, ser tikkompeti f’Miss World li ser jittella' ġewwa l-Ingilterra fl-14 ta’ Diċembru u ser tkun qiegħda tikkompeti ma' mija u għoxrin pajjiż ieħor. Waqt il-konkors Miss World, Nicole ser tkun qiegħda tikkompeti f’oqsma differenti fosthom is-sezzjonijiet tat-talent, sport u moda.

Nicole rebħet it-titlu ta’ Miss World Malta f’Ġunju li għadda waqt serata b’xandira diretta fejn ikkompetiet ma' erbgħa u għoxrin kontestanta oħra. Miss World Malta hija immexxija minn Sue Rossi u Claudia Calleja taħt Modelle International.

Ritratt: Benjamin Sant - SnapArt

Rebecca Pace, ta’ 22 sena li toqgħod Birżebbuġia, ser tikkompeti f’Miss Supranational li ser jittella' ġewwa l-Polonja fis-6 ta’ Dicembru fejn ser tikkompeti ma' tmenin pajjiż ieħor. Rebecca hija studenta fl-Università ta’ Malta.

Hi rebħet it-titlu ta’ Miss Supranational Malta minn fost ħamsa u għoxrin kontestanta waqt serata li ttellgħet f’Ottubru li ghadda. Miss Supranational Malta hija organizzata minn Lorraine Sultana u Jean Zammit minn Vogue Model Management.

Benjamin Sant - SnapArt


Gwida.mt