Is-Surmast, il-produzzjoni ibbażata fuq rumanz komiku b'kitba ta’ Trevor Zahra u b'direzzjoni ta’ Joseph Galea, hija waħda minn dawk il-produzzjonijiet li tibqa’ mmarkata f’moħħek. Għalkemm kienet imtella’ għall-ewwel darba fl-1994 u mbagħad fl-1995, baqgħet friska daqs kieku nkitbet illum. Il-bażi tagħha – rumanz ta’ Zahra mill-1973 – jieħu l-ħajja b’mod tassew sabiħ fuq il-palk.
Charles Sammut, li kellu l-irwol prinċipali tas-Surmast, kien verament brillanti. Bi preżenza qawwija u interpretazzjoni naturali, Sammut wassal karattru li hu serju, xi kultant iebes, imma wkoll uman. Bħala l-karattru prinċipali li jmexxi n-narrattiva tista' tgħid li rnexxielu jagħmel dan b'mod interessanti mmens.
Il-kast ta’ atturi li jakkumpanja lil Sammut huwa wieħed formidabbli: Ryan Mark DeBattista, Andre Mangion, Mario Spiteri (Snits), Antonella Galea Loffreda, Marceline Galea, Anthony Ellul, Claudia Mizzi, Manuel Cassar u Andre Theuma – kollha taw interpretazzjonijiet impenjati u espressivi, kull wieħed bil-karattru tiegħu u bl-istil uniku li tabilħaqq għenu biex id-dinja tal-iskola u tas-soċjetà Maltija f’dak iż-żmien tiġi rrikreata b’realiżmu u sensittività kbira.
Il-kitba ta’ Zahra hija mimlija ċajt uħud minnu sottili u batuti diretti, osservazzjonijiet ħelwin fuq is-soċjetà, u mumenti ta’ emozzjoni. Ħafna jistgħu jidentifikaw ma' dak li qed isegwu. Xi ħaġa li toħroġ ċara hija l-isfida bejn il-ġenerazzjonijiet u l-bidliet fis-soċjetà Maltija, li kienu ġa jinħassu tletin sena ilu, aħseb u ara llum il-ġurnata.
Id-direzzjoni ta’ Joseph Galea żammet kollox miexi tajjeb u b’pass interessanti. Kien hemm bilanċ sabiħ bejn ċajt u serjetà, u bejn l-antik u dak li għadu relevanti llum.
Fi ftit kliem, nistgħu ngħidu li Is-Surmast kienet esperjenza teatrali mill-isbaħ, b’atturi tajbin, storja li tmiss il-qalb, u kitba li taħdem fuq livelli varji. Jekk għandek iċ-ċans li tmur tara, titilfux. Is-Surmast tiftaħ illejla fit-Teatru Manoel. Għall-biljetti wieħed jista' jidħol HAWN.