Permezz ta’ ħames mistoqsijiet stajna nsiru nafu aktar dwar Olivia Lilith u dwar l-arti tad-drag f’Malta. Lil Olivia Lilith persważ li bosta jiftakruha permezz tal-prestazzjoni memorabbli fuq Malta’s Got Talent fejn rajna Golden Buzzer mistħoqqa immens!
X’ispirak tidħol fid-dinja tad-drag, u kif tiddeskrivi l-personalità ta’ Olivia Lilith?
Olivia Lilith hija mara kollha kuluri u storbjuża immens. Fid-dinja ta’ Olivia, m’hemmx limiti ta’ kuluri, aktar ma l-parrokki u l-kostumi jkunu goffi u eżagerati, iktar ikollha enerġija. L-iktar aspett ta’ din l arti li laqatni kienet il-kreattività li tinvolvi. Biex ittella’ spettaklu trid tifhem u tagħmel analiżi tal-post fejn ser tkun u x’udjenza ser ikollok. Minn hemm tagħżel id-diski, ċ-ċajt, il-logħob li ser tagħmel adattat għal dak l-ambjent. Il-kreattività biex toħloq kostum minn drapp, kif tibdel parrokka minn lixxa u tagħmilha kollha volum, u ma ninsewx l-irtokk li ser jitrasforma l-wiċċ. Infittxu riżorsi bħal żraben minn barra minn xtutna u kif ser tgħaqqad id-dehra kollha b’aċċessorji u ġojjelli. Ovvjament b’wiċċi minn quddiem ngħid li dan kollu jsir għax għandi n-nies qrib tiegħi li jgħinuni b’mod kontinwu.
X’kien l-aktar mument memorabbli tiegħek fuq il-palk bħala drag queen?
Hemm diversi mumenti bħala drag artist li huma imnaqqxa f’qalbi, iżda jekk ikolli nagħżel wieħed naħseb jibqa’ l-mumenti li ngħatajt il-Golden Buzzer fuq il-palk tal-programm Malta’s Got Talent. Dan il-mument ġie wara sfidi kbar miegħi nnifsi. L-arti tad-drag ilha ħafna apprezzata mill-komunità LGBTIQ+ u l-artisti jħossuhom siguri jagħtu prestazzjoni f’dan l-ambjent bħal bars u clubs. Iżda jiena xtaqt nimbotta l-barrieri naqra iktar, u nippreżenta drag fuq stazzjoni fejn il-publiku kollu seta’ jara. Il-fatt li mhux talli ntlaqa’ tajjeb, iżda jiġi rikonoxxut bil-Golden buzzer, għalija kien punt kruċjali għal dan il-vjaġġ.
Kif taħseb li nbidlet il-perċezzjoni tan-nies f'Malta lejn id-drag matul is-snin, u x’taħseb li għad fadal isir biex din l-arti tiġi apprezzata aktar?
Ħafna nies qegħdin jaħsbu li l-arti tad-drag hija xi ħaġa tas-seklu wieħed u għoxrin. Fil-verità, din il-forma ta’ arti ilha teżisti ħafna iktar. Jiena inħossni milqugħ b’idejn miftuħa ma’ min niltaqa’, irrispettivament minn liema settur ġejjin. F’Malta, x-xena tad-drag ilha magħna ħafna u kienet apprezzata ħafna saħansittra fi żmien l-Ingliżi. Maż-żmien intesiet ftit sakemm ftit individwi reġgħu bdew iżidu l-viżibilità tagħhom, u dawn huma l-artisti li jispirawni.
Għad fadal ħsibijiet li persuna liebsa ta’ Drag queen jew King qed tagħmel dan biex tinfluwenza lil xi ħadd jew għandha xi agenda. Irridu nżommu f’moħħna li wara kull karattru hemm artisti li l-uniku ħsieb tagħhom huwa li jesprimu ruħhom u jwasslu emozzjoni jew tbissima fuq wiċċ l-udjenza li tkun qed tarahom.
Hemm xi tradizzjonijiet relatati mal-ewwel tas-sena li ssegwi ta’ kull sena, u kif beħsiebek tqatta’ dan il-jum?
Il-perijodu tal-ewwel tas-sena għalija huwa ddedikat għall-familja. Ħin kwiet fejn naprezza kemm imxejna matul dik is-sena u eċitament biex inkomplu nimxu għal sena ġdida. Dan il-jum ser ikun iddedikat għall-familja zgħira tagħna flimkien mal-klieb. Forsi xi film ħelu taż-żmien il-festi u xi platter ma jonqosx.
Temmen bir-riżoluzzjonijiet tal-ewwel tas-sena? Jekk iva, hemm xi riżoluzzjoni li beħsiebek tagħmel għall-ewwel tas-sena?
Iva mela, kull sena nagħmel lista ta’ riżoluzzjonijiet imma rari jaslu sa tmiem l-istess sena. Imma nibqgħu nippruvaw. Riżoluzzjoni għalija hija sfida biex intejjeb parti minn ħajti. Għas-sena 2025 hija li naħdem daqxejn iktar fl-immaniġjar tal-ħin. Sfortunatament, bil-ħajja mgħaġġla li ngħixu fiha, ħafna mill-affarijiet jitħallew għall-aħħar minuta. Bit-tqassim tajjeb tal-ħin, inħoss li nkun kapaċi nagħmel iktar xogħol ta’ kwalità u inħossni iktar kalm. Forsi għax kbirt ftit, imma sirt inħoss ħafna l-importanza ta’ iktar bilanċ bejn ix-xoghol, l-arti u l-familja, allura din is-sena ser naħdem iktar fuq dan l-aspett.
Facebook/Olivia Lilith