L-attriċi Frida Cauchi hija maħbuba minn ħafna. F’din l-iskeda ta’ TVM, qed naraw lil Frida tippreżenta l-programm, Gazebo ma’ Herman Bonaci. Staqsejnieha ftit fuq dan il-programm kif ukoll għadd ta’ kurżitajiet oħra fuq il-karriera tagħha fid--drama.

Gazebo, tgħidilna ftit fuq dan il-programm?

Dan il-programm hu leġġer, magħruf bħala magazine programme. Min qed isegwi jaf li ser jistenna ftit minn kollox. Programm ta’ siegħa u nofs, b’diversi mistiedna. Dawn jitkellmu fuq suġġetti relatati mas-sajf u suġġetti oħra interessanti.

Herman jieħu ħsieb rokna delizzjuża tar-riċetti, mma mhux tisjir komuni. Herman qiegħed jagħmel riċetti fuq il-BBQ. Riċetti ġodda, oriġinali u fuq kollox ideat ġodda għat-telespettaturi tagħna. Tiskanta kemm tista’ tagħmel ikel varjat fuq il-BBQ! M’għandniex għalfejn induru għall-istess ikel. Ħa jkun qed jagħti 26 riċetta b’kollox, għax f’kull programm ikun hemm 2 riċetti.

Fil-programm qed nagħti wkoll ideat ta’ krafts u affarijiet li wieħed jista’ jagħmel bħala passatemp. Il-programm qed inxandruh barra, taħt gazebo, u kien għalhekk li għażilna l-isem. Fis-sajf kulħadd iħobb iqatta’ l-ħin barra milli ġewwa u hekk għamilna aħna b’dan il-programm.

Frida ħadmet ta’ sikwit f’partijiet f’films barranin. X’tgħidilna fuq dawn?

Iva, din is-sena reġa’ ntwera l-film, Risen, fuq it-televiżjoni. Proprjament dan il-film ħareġ 5 snin ilu. Kull film fih l-esperjenza tiegħu. Risen kien wieħed minn dawk li tagħni esperjenza sabiħa. Apparti li tiltaqa’ mad-diretturi ta’ fama internazzjonali, tiltaqa’ mal-atturi. Jien kont ħdejn Tom Felton u kilna flimkien kemm-il darba. Joseph Fiennes li kien l-attur prinċipali ġie jbiddel ħdejja ġo għar u qgħadt nitkellem miegħu. Dak is-sabiħ f’dawn l-esperjenzi li tiltaqa’ ma’ dawn l-atturi u titgħallem mingħandhom.

Tom Felton huwa Malfoy f’Harry Potter. Kif tħossok taħdem ma’ xi ħadd daqstant popolari?

Eżatt! Hemm kien daqsxejn ta’ tifel u xorta baqa’ magħmul żgħir bħala attur. Tom persuna żgħira u rqiqa. Bħala karattru, tistagħġeb f’kemm ilni nieħu sehem films, tibda taħseb li dawn għandhom imneħirhom imxammar imma fil-fatt huma vera down to earth. Jista’ jkun għax jien ħadt sehem bħala attriċi u mhux bħala extra. Allura din tagħmel differenza.

Għalihom la tkun imniżżla bħala attriċi, m’hemmx differenza bejnietna. Jien kull meta kont magħhom, kont stmata daqshom. Jekk inkunu fuq mejda nieklu flimkien, juru rispett u jistmawk; anke mill-kru kont smata! Inħossni ftit stramba għax Malta mhux imdorrijin hekk. Aħna fil-films li nagħmlu, imdorrijin nilbsu aħna, nagħmlu kollox aħna. Meta naħdem f’dawn il-partijiet, allaħares tbiddel int għax huwa insult. F’dawn it-tip ta’ films ikun hemm in-nies apposta biex ilibbsuk u jieħdu ħsieb kif tidher. L-unika rwol tiegħek hu li tieħu ħsieb li tirreċta.

Kelli wkoll parti ma’ Antonio Banderas fuq serje tat-televiżjoni. Is-serje kien jismu Genius, u jien kelli karattru ta’ mara Spanjola. Però meta ffilmjajna aħna, kien hemm il-karattru li kien qed jinterpreta Antonio Banderas, imma meta kien għadu żgħir. Niftakar li dakinhar kienet ħafna xita u ma ltqajtx miegħu.

Ħa narawk f’xi sensiela oħra jew film?

Iva, ħadt sehem fil-film, Luzzu, li kellu joħroġ dan is-sajf. Id-direttur hu Malti li jgħix l-Amerika u li barra minn xtutna qed jikseb suċċess kbir. Kelli ieħor, Karmen, id-direttriċi Maltija u twieldet ġewwa l-Kanada. Dawn iż-żewġ films inħadmu qabel il-pandemija. Lanqas ilu xejn li bagħtuli għal xi auditions għall-films u nittama li jkolli rwoli oħra.

Kellek opportunitajiet li tmur tieħu sehem barra minn Malta iżda dejjem sfaxxaw. X’ġara?

Hekk hu! Fil-film, Risen, kienu ser itellgħuni Spanja u kont ser niltaqa’ mal-appostli kollha u l-Madalena. Imbagħad l-istoriċi qalulhom li wara t-tislib il-karattru tiegħi tissemma biss fil-Pentecoste u ma tissemma mkien iżjed. Allura biex huma jkunu qrib il-verità, iddeċidew jikkanċellaw. Kelli kollox lest u preparat, u ġimgħa qabel qaluli bl-aħbar. Tlift opportunità li nieħu sehem barra bħala attriċi.

Fil-film, 13 hours, li nġibed Malta wkoll, kellhom itellgħuna Tripli; konna jien u l-attur Manwel Cauchi bħala koppja. Suppost kellhom itellgħuna Tuneż fid-‘dar tagħna’. Id-direttur għoġbitu l-Belt Valletta u qalilhom li kien ser jiffilmja hemm minflok. Għalkemm ħadt gost li għażel pajjiżi, hemm tlift opportunità oħra!

Li kienet ħelwa f’dan il-film hija li peress li jien ħdimt ma’ Manuel Cauchi ħasbu li dan hu r-raġel tiegħi għax għandna l-istess kunjom. Id-direttur qalilna biex nagħmlu biċċa konversazzjoni fittizja mal-atturi prinċipali Alexia u John. Aħna bdejna nitkellmu u bdew jistaqsuna x’jogħġobna bħala post. Alexia staqsietna kemm konna ilna miżżewġin. Aħna għednielha li konna ilna 9 snin.

Staqsietna kemm kellna tfal u aħna weġibna li kellna 12-il tifel u tifla. Aħna konna qed inwieġbu kollox skont il-karattru tagħna! Kif id-direttur qal, ‘Cut’ u spiċċa x-xena, din l-attriċi daret fuqi u qaltli, “How do you cope with 12 children and shooting as well?”. Imbagħad kelli nispjegalha li jien u Manuel ma konniex miżżewġin u konna qed inwieġbu kollox fittizju għall-fini tax-xena! Wara tgħidx kemm dħakna jien u Manuel għax mhux l-ewwel darba li ġratilna li ħasbuna koppja!

Naħseb anke meta tkun ma’ Herman, jaħsbukom koppja!

Fil-bidu ħafna aktar! Fil-fatt ġieli jkun hemm xi ħadd u jistaqsini fuq Herman u ngħidlu li dak hu r-raġel tat-television. Dawn jibqgħu jħarsu lejja qisni qed ngħid xi ħaġa ħażina!

Simpatika bħal dejjem, Frida Cauchi dejjem ikollha xi storja interessanti x’taqsam magħna! Tinsewx issegwu lil Frida fuq il-programm, Gazebo kull nhar ta’ Ġimgħa bejn is-18.15 u t-19.45 fuq TVM. Kif ukoll ir-repetizzjonijiet ta’ Simpatiċi.

Facebook / Frida Cauchi


Anthony Baldacchino