Melanie Kelly titkellem ma' Fr. Marcellino Micallef waqt Kellymni, fejn insiru nafu aktar dwar ix-xogħol tas-Soup Kitchen OFM - Valletta u l-każijiet li jiltaqa' magħhom ta' kuljum.

Hu jitkellem dwar il-problemi tas-saħħa mentali, dwar il-problemi tad-droga, dwar il-problemi tal-mard, dwar dak kollu li qed itaqqal lis-soċjetà tagħna. Hu jgħaddi riflessjonijiet li kultant anqas biss jgħaddulna mill-garigori ta' moħħna iżda jsammruk u jħalluk taħseb dwar ħajtek.

Ma' Melanie Kelly, Fr. Marcellino jitkellem ukoll dwar l-għajnuna kbira li jsibu, inkluż minn diversi nies li huma stess għandhom bżonn l-għajnuna. Mhux xi ħaġa faċli li wieħed jaċċetta li għandu bżonn l-għajnuna, iżda Fr. Marcellino jagħmel minn kollox biex jgħin u jsir jaf lil kull persuna li tidħol għall-għajnuna fis-Soup Kitchen. 

Fr. Marcellino jirrakkona każ partikolari wkoll fejn iltaqa' ma' raġel li ma baqax jieħu drogi. Mid-dehra ta' wiċċu seta' jinduna kemm seħħet bidla għall-aħjar f'ħajtu. "Jekk il-bniedem ma jixrobx mid-dranaġġ, lanqas jinduna x'inhu jixrob. Inħoss li għandna tsunami ta' droga f'pajjiżna... b'qalbi maqsuma ngħidha..."

Segwi aktar hawn taħt l-intervista ma' Fr. Marcellino.


Gwida.mt