Ilbieraħ tajna bidu għall-famuża Ġimgħa tal-Eurovision, fejn illejla nsegwu l-ewwel semifinali, l-Ħamis it-tieni semifinali, li fih ser tieħu sehem Malta, u l-finali s-Sibt. Ftit ilu kellna ċ-ċans li nitkellmu mal-ambaxxatriċi għal Malta, Sarah Bonnici, fejn staqsejnieha dwar il-vaġġ tal-Eurovision Song Contest. 

Sarah qed taħdem bla waqfien flimkien mat-tim tagħha biex tagħmel unur lil pajjiżna kif ukoll, kif nixtiequ lkoll, iġġib riżultat sabiħ. Hi ta' ispirazzjon u kuraġġ anke għal artisti oħra li jaspiraw li jipparteċipaw fil-Malta Eurovision.

Il-vjaġġ tiegħek ta’ Loop u l-Eurovision 2024 sa issa – x’inhuma l-isfidi li taffaċċja?

Sfidi naffaċċja l-ħin kollu. Mhux vjaġġ faċli, jirrikjedi ħafna xogħol li bosta drabi jsir minn wara l-kwinti, però kollu huwa worth it. Tant tagħtik lura din l-esperjenza, u tant onestament inħobb dak li nagħmel, u nħossni grata li l-poplu Malti tani din l-opportunità, li kull ostaklu li nsib, jew kull darba li nkun ħa naqta’ qalbi, fl-aħħar mill-aħħar kollu nħoss li huwa worth it. Hi esperjenza tal-ġenn u verament grata.

Kif qed tħejji għall-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena u x’reazzjonijiet kellek mis-segwaċi ta’ dan il-festival?

Qed nipprepara ruħi bla waqfien. Minn meta rbaħt il-finali ta’ Malta, beda x-xogħol fuq il-wirja tiegħi. Naħdem ħafna mill-qrib mal-kowċ tal-vuċi tiegħi biex naħdmu fuq eżerċizzji tan-nifs, ħalli nieħu nifs tajjeb tul il-wirja, biex jirnexxieli niżfen u nkanta. Naħdmu fuq it-teknika wkoll, fuq kif nilħaq ċerti noti, u anke massaġġi tal-vuċi regolari biex naċċertaw li l-vuċi tkun f’kundizzjoni tajba. Naħdem mill-viċin mal-korjografu tiegħi u nimplementaw il-kant u ż-żfin f’daqqa. Niġri fuq it-threadmill u nkanta. Hemm ħafna preparamenti, ix-xogħol ma jiqafx. Kif għidt qabel pero, dan kollu ser ikun worth it!

Ir-reazzjonijiet s’issa kienu tajbin ħafna, kemm fuq il-kanzunetta u anke fuq il-prestazzjoni li tajna fil-provi. Eċitata ħafna għall-provi li jmiss sas-semifinali tal-Ħamis.

Hemm ċans tiżvelalna xi tip ta’ ħjiel dwar x’għandna nistennew fuq il-palk għall-wirja tas-semifinali?

Hemm affarijiet li huma simili għall-wirja ta’ Malta. Fejn ħassejna li għandna nżommu l-istess affarijiet li kienu tajbin u li jaħdmu żammejniehom, peró mbagħad irridu nadattaw il-wirja għall-palk kbir ta’ Malmo, u għall-kompetizzjoni li ser naffaċċjaw. Se jkun hemm sorpriżi, ibqgħu segwu!

X’inhuma l-pjanijiet għall-karriera tiegħek għal wara din l-esperjenza tal-Eurovision?

Wara din l-esperjenza l-għan tiegħi huwa li nibqa’ naħdem kemm nista’ fuq il-mużika tiegħi, noħroġ mużika oriġinali, u nibqa’ naħdem fuq il-karriera. Din l-esperjenza prezzjuża ser tgħini nibqa’ nesplora affarijieet ġodda fil-karriera mużikali tiegħi.

Sarah tatna anke kelmtejn fejn saħansitra tagħmel kuraġġ lill-artisti li jixtiequ jieħdu sehem fil-Malta Eurovision biex jagħmlu dan, għax hi tassew esperjenza li tħalli l-frott.

Onestament inħoss li din l-esperjenza tatni ħafna. Inħoss li l-Eurovision Song Contest, inkluż il-Malta Eurovision, anke jekk ma tirbaħx, hi pjattaforma tajba ħafna għall-artist għax tagħtik opportunitá biex tesponi l-mużika tiegħek, u int min int bħala artist. Titgħallem ħafna, tiltaqa’ ma’ nies ġodda, jien vera għamilt ħbieb mill-Eurovision. Vera esperjenza sabiħa. Kulħadd ikun jixtieq jirbaħ, peró avveniment bħall-Malta Eurovision hu ħafna aqwa minn rebħa. Ovvjament, jekk tirbaħ u jkollok iċ-ċans li tirrappreżenta lil Malta, hi opportunità mill-isbaħ. Ħudu sehem!

Minn qalbna nirringrazzjawk tal-ħin tiegħek għal din l-intervista Sarah. Minn hawn nawgurawlek għall-Ħamis li ġej u jalla jkollok esperjenza indimentikabbli b’aktar mumenti sbieħ, kif ukoll nawgurawlek kull suċċess.

Instagram/ sarah.bonnici


Gwida.mt