Immanuel Balzan, il-kantant li konna ilna xi ftit ma narawh fix-xena lokali iżda bil-mod qed jirritorna b'diversi gigs, avvenimenti u intervisti televiżivi. Kantant li wieħed jista' jgħid kien qabad it-triq tas-suċċess iżda imbagħad għamel ċertu żbalji f'ħajtu li waqqfu dan kollu.
Immanuel, magħruf aħjar bħala Tristan B, se jkun qed jagħti l-aktar intervista onesta li probabbli qatt ta f'ħajtu, fejn se jitkellem dwar diversi episodji li għadda minnhom. Episodji li għalkemm mhux kollha kienu sbieħ, minnhom tgħallem, kiber u hu l-persuna li hu illum. Ma kinitx triq faċli għalih minħabba l-ostakli kollha li ltaqa' magħhom.
Iżda tul il-podcast ħa tirrealizzaw li għaraf u tgħallem minn dawn l-iżbalji, iddipjaċih għall-azzjonijiet li għamel u għan-nies li weġġa' tul it-triq tiegħu. Mhux faċli li taċċetta ċertu realtajiet u anqas hi faċli li titkellem fuq dawn l-esperjenzi iżda hu jemmen li dan hu parti mill-proċess ta' kif wieħed jimxi 'l quddiem.
Il-podcast ħa jkun wieħed emozzjonali li mhux ta' min titilfu. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta' Kellymni bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, għada it-Tnejn 20 ta' Mejju, mit-20:00 'l quddiem.