Kurt Calleja huwa stilla tax-xena mużikali f'Malta, bniedem simpatiku, u mimli talent. Imma tgħid kif iqattagħha l-ewwel tas-sena, u x'ħolm għandu?

Il-ġurnata tal-Ewwel tas-Sena ittiha ħafna importanza, jew titrattaha bħala ġurnata normali?

Għalija l-ewwel tas-sena hija ġurnata li nkun qiegħed nirkupra xi ftit miċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Lejliet l-Ewwel tas-Sena. Però fiha dejjem infittex żewġ affarijiet: 1. Niltaqgħu maz-zijiet u l-kuġini u 2. Immur nara film iċ-ċinema.

Tagħmel reżoluzzjonijiet, u jekk iva, għamilt xi waħda għal din is-sena?

Nemmen fir-reżoluzzjonijiet, imma mhux f’sena ġdida jew le. Jien meta nhoss li għandi nbiddel xi ħaġa, nagħmel mill-aħjar biex inbiddilha mill-ewwel. Jum is-sena l-ġdida hija ġurnata li fiha ngħafsu r-reset button u nerġgħu nibdew mill-bidu, imma bl-intelliġenza kollha li ġġib magħha sena ta’ lezzjonijiet.

Kif taħseb li inbdilt bħala artist mill-bidu tal-karriera tiegħek, għal issa?

Artist, bħal kull bniedem ieħor jiżviluppa mall-vjaġġ ta’ ħajtu u allura l-prijoritajiet tiegħu/tagħha jinbidlu ukoll. Meta kont zgħir ir-raguni prinċipali li kienet tiġbidni lejn il-palk kien biex nidher, biex nagħti risposta lil min kien jgħaddini biż-zmien.

Ma ninsa qatt kif meta żammejt it-trofew tal-Eurovision f’idi, minflok nirringrazza lil Alla u lin-nies li vvutawli, f’moħħi ġewni stampi ċari tat-tfal li kienu jibbulijawni l-iskola - f’moħħi għidt ħafna affarijiet li nistħi nirrepeti f’intervista.

Illum il-ġurnata ir-raġuni prinċipali għalfejn nagħmel il-mużika hija għax nixtieq naqsam l-emozzjonijiet tiegħi mas-segwaċi tieghi. Id-diski li nikteb qishom djarju ta’ ħajti u għalhekk meta taqsam l-emozzjonijiet mas-segwaċi tiegħek, huma jsiru parti mill-istorja tiegħek, u mingħajr ma’ jkunu jafu, jibdew jagħtuk l-enerġija tagħhom. Permezz ta’ dik l-energija nkun nista’ naqsam aktar emozzjonijiet, u jinħoloq dan iċ-ċirku ta’ emozzjonijiet reċiproki. L-Għan ewlieni tiegħi llum il-ġurnata huwa li nferrah in-nies bil-mużika.

Min hu artist lokali jew internazzjonali li tixtieq tikkolabora miegħu, u għaliex.

Hemm hafna artisti li nammira - kemm lokali u naturalment anke internazzjonali. Ma nista nghid li qatt ħsibt wisq fuqha din il-ħaga imma persuna lokali li għamel hoss internazzjonali huwa t-tenur Joseph Calleja u nixtieq li nikkollabora mieghu, għax jogobni l-istil crossover fejn ikollok ġeneri differenti ta’ mużika u jiġu magħqudin f’diska waħda.

Umbaghad hemm Chris Martin u l-band Coldplay, għax id-diski u l-mużika tagħhom u l-istil ta’ kif jiktbu huwa xi ħaġa ta’ barra minn hawn. Naf ċert li apparti l-exposure fenomenali li jkolli wara, inkun ukoll tgħallimt aktar dwar il-proċess tal-kitba tagħhom.


Nicole Zammit