Il-ġurnalistu u preżentatur sportiv Antvin Monseigneur ħabbar il-mewt tal-għażiż missieru fuq il-mezzi soċjali tiegħu. Hu jikteb, "Hija b’diqa profonda li naqsmu l-aħbar tal-mewt tal-maħbub missierna, Anthony Monseigneur. Il-memorja tiegħu tibqa’ għal dejjem f’qalbna. Dettalji dwar servizzi ta’ tifkira se jiġu kkomunikati fil-jiem li ġejjin. Ciao Mons u Forza Samp."

In-neputi ta' Antvin, jiġi l-mużiċist Aleandro Spiteri Monseigneur li wkoll sellem lin-nannu tiegħu b'messaġġ tassew mill-qalb. Hu kiteb, "Sliem għalik Mons. L-aħħar tazza inbid flimkien ħadnieha sieħeb. Importanti li ħamra, mhux bajda, u mhux izjed minn tazza, ghax hekk kien ikun il-parir tat-tabib fuq Kalamita. Il-ġlekk u l-ingravata ma jonqsux - jalla nkun cool daqsek jekk ngħix sa 80."

Hu jżid, "Saħħtek dejjem ħadt ħsiebha b’mod li kont tistħajlek trid tgħix għal dejjem. Għax il-ħajja bqajt tħobbha minkejja s-solitudni u l-uġigħ li jafu jiġu magħha. U ħalli f’idejja Mons, meta jaraw dak il-kunjom stramb tiegħi u jistaquni minn fejn ġie, se nibqa’ dejjem ngħid li tajtuli int. RIP għażiż."

F'isem it-tim ta' Gwida, ngħaddu l-kondoljanzi tagħna lill-familja kollha f'dan il-mument ta' luttu. Nittamaw li jsibu l-faraġ li għandhom bżonn. Strieħ fis-sliem Anthony u kompli ħares fuq il-maħbubin tiegħek.


Emil Calleja Bayliss