Iċ-Cisk Tap, il-Valletta Soup Kitchen, Ġnien Victor Calvagna u l-faċilità tal-Aircraft Hangar MRO huma wħud mill-proġetti li ħadu l-ewwel post fil-Malta Architecture and Spatial Planning (MASP) Award 2022 li saru nhar is-Sibt li għadda.

Il-MASP Awards li huma organizzati mill-Awtorità tal-Ippjanar u li jsiru taħt il-Patroċinju tal-President ta’ Malta għandhom l-għan li jippromovu u jagħtu rikonoxximent lil proġetti arkitettoniċi u ta’ disinn interjuri ta’ kwalità li jwiegħdu li jħallu marka pożittiva għal snin li ġejjin. Il-premjijiet jiċċelebraw ix-xogħol metikoluż u l-innovazzjoni tan-nies wara dawn il- proġetti emblematiċi - minn professjonisti stabbiliti sa studenti gradwati.

Ritratt: Il-Premju Prestiġjuż tal-President

Din is-sena, il-premju prestiġjuż tal-President ġie mogħti lill-Professur Perit Conrad Thake għall-kontribut eċċellenti tiegħu għall-edukazzjoni, it-teorija u l-prattika tal-arkitettura u s-servizz distint tiegħu tul ħajtu lejn il-professjoni.

Iċ-Cisk Tap u The Grist Multipurpose Space li jinsabu fil-Farsons Brewery minn Openworks Studio u Forward Architects kienu r-rebbieħa tal-Premju għall-Arkitettura Interna għall-Bini Kummerċjali jew Pubbliku. Dan il-proġett jiċċelebra l-wirt industrijali ta’ Malta u tabilħaqq il- karattru distintiv tal-birra Cisk, tant familjari għal ħafna fil-Gżejjer. Iċ-Cisk Tap u l-ispazju tal- avvenimenti multi-purpose Grist sottostanti jaħdmu f'sinerġija fil-funzjoni u jirreferu għall- kuluri tal-lager fil-materjalità tagħhom.

Ritratt: Il-Premju għall-Arkitettura Interna għall-Bini Kummerċjali jew Pubbliku

Kettles Café Bistro Bar f’Birkirkara mid-DAAA Haus, The Avenue Restaurant f’San Ġiljan mill- MXA u Bahia Restaurant f’Ħ’Attard mill-QP kollha rċevew tifħir speċjali f’din il-kategorija.

Il-Premju għar-Rijabilitazzjoni u l-Konservazzjoni intrebaħ mid-ditta tal-arkitettura ARC Studio. Il-ġurija ħasset li dan il-proġett huwa eżemplari għal mod kif dan l-ispazju minsi fi ħdan il-kunvent tal-Franġiskani Minuri fil-Belt inbidel f’soup kitchen. Il-premju mhux biss jenfasizza d-disinn ta’ kwalità għolja iżda ukoll l-użu għalxiex issa qed jintuża dan l-ispazju. L-AP Cluster minn AP Valletta u Palazzo Ignazio mill-QP irċevew tifħir speċjali.

Ritratt: Il-Premju għar-Rijabilitazzjoni u l-Konservazzjoni

Is-Santwarju tal-Madonna tal-Ħniena fil-Qrendi kien ir-rebbieħ tal-premju tar-Restawr. Il- ġurija faħħret lid-Direttorat tar-Restawr għal mod li bih it-tim multidixxiplinarju segwa metodoloġija metikolożimament riċerkata sew li kienet tinkludi l-kxif tal-fdalijiet arkeoloġiċi ta’ kappella medjevali taħt l-art tas-santwarju.

Ritratt: Il-Premju tar-Restawr

Il-proġett residenzjali ‘House for a young family’ f’Ħaż Żebbuġ mill-Perit Joe Galea u draw.form rebaħ żewġ kategoriji; il-Premju tad-Disinn għall-Arkitettura, Bini u Struttura Tajba u l-Premju għall-Arkitettura Intern għal proġetti residenzjali.

Ritratt: Il-Premju tad-Disinn għall-Arkitettura, Bini u Struttura Tajba, u wkoll Il-Premju għall-Arkitettura Interna għal Proġetti Residenzjali.

Id-disinn għal din ir-residenza jservi vetrina għal mod kif il-perit u l-klijent tiegħu ħadmu flimkien lejn it-twettiq ta’ proġett li jkun ta’ suċċess kemm fil-funzjoni tiegħu kif ukoll fl-estetika tiegħu. Il-fabbrikazzjoni tal-azzar intużat b'mod estensiv bħala parti mill-brief, li ppermetta l-installazzjoni ta' ‘lightweight walls’ sabiex id-dawl jiffiltra mill-bini kollu filwaqt li twettqet ukoll analiżi ambjentali estensiva li waslet dan il-proġett biex jkun rebbieħ.

Fil-kategorija tal-Premju tad-Disinn għall-Arkitettura Tajba, Bini u Struttura, ċ-Ċentru Nazzjonali tad-Distribuzzjoni ta’ Ħas-Saptan minn Dr Edwin Mintoff Architects u l-Phoenicia Spa minn AP Valletta t-tnejn ingħataw tifħir speċjali. Filwaqt li l-kategorija tal-Arkitettura Intern għal proġetti residenzjali ‘The contemporary courtyard house f’Ħad-Dingli minn Daniel Scerri Periti rċeviet tifħir speċjali.

Ritratt: Il-Premju Public Open Spaces

Ġnien Victor Calvagna fil-Mosta mill-Perit Andrea Scremin rebaħ il-premju Public Open Spaces. Dan l-ispazju miftuħ pubbliku jservi biex ikun oasi ħadra fl-ambjent urban dens tal- Mosta u b’suċċess iżomm karattru naturali lis-sit filwaqt li jżid kumditajiet għal viżitaturi. F’din l-istess kategorija Doric Studio irċieva tifħir speċjali għall-Ġonna Romeo Romano f’Santa Venera.

Design Firm MatterMake kienu r-rebbieħa tal-premju għall-Proġetti Żgħar, li ġie introdott għall-ewwel darba permezz ta’ din l-edizzjoni. Dan il-proġett ‘Cinema Visiona’ uża d-disinji interjuri ta’ Werner Panton bħala ispirazzjoni, fejn it-tim tad-disinn isolvi b’suċċess il-forma u l-funzjoni biex joħloq kamra taċ-ċinema emblematika. Karatteristika sinifikanti tad-disinn hija s-sit ergonomiku ddisinjat u mibni internament bl-użu tat-teknoloġija CNC, li jagħmel użu mit- teknoloġija biex jinkiseb il-konsum minimu ta' materjali filwaqt li jinżamm il-kumdità massima għal kull minn jagħmel użu mill-ispazju. Atmosphere Design, C&K Architects u l-Perit Adam Brincat irċevew tifħir speċjali għal The Chapel in Pieta, Unit 22 fin-Naxxar u House 89 f’Ħal Tarxien rispettivament.

Ritratt: Il-Premju għall-Bini Kummerċjali u Pubbliċi

Hotel Verdi fil-Gżira ta’ Dr Edwin Mintoff Architects rebħet il-Premju għall-Bini Kummerċjali u Pubbliċi. Il-ġurija faħħret il-proġett għat-tema qawwija li ispirat id-disinn ta’ din il-lukanda u fasslitu fi proġett li jenfasizza disinn apposta u ta’ kwalità għolja. Id-disinn jikseb ukoll marka baxxa tal-karbonju u miżuri ambjentali passivi maħsuba biex iżidu l-kumdità tal-viżitaturi fil- lukanda.

Dr Charles Paul Azzopardi rebaħ il-Premju tal-Fotografija tal-Arkitettura għar-ritratti tiegħu li jappartjenu lid-Dar Samaritan il-Ħanin. Dan is-sett ta’ ritratti rebbieħ qabad l-ispirtu ta’ dan il-post b’mod li huwa teknikament preċiż u estetikament pjaċevoli.

Ritratt: Il-Premju tal-Fotografija tal-Arkitettura

L-Istudenti tal-Arkitettura Nicole Kenely / Kimberly Camilleri rebħu l-Urban Planning Concept Award għall-Istudenti bil-proġett tagħhom ‘Retrofitting the White Rocks Complex’. Din is- sottomissjoni rebbieħa hija ispirata minn prinċipji ta’ disinn ta’ kuntatt soċjali bħalma huma li jkun hemm faċilitajiet komunali ta’ ġewwa u ta’ barra, viżibilità tajba fuq spazji ta’ barra, il- ħolqien ta’ żoni ta’ lqugħ bejn spazji pubbliċi u privati, passaġġi kondiviżi u l-ħolqien ta’ kumditajiet privati limitati filwaqt li jiżdiedu dawk komunali. L-Istudenti tal-Arkitettura Dawn Briscoe, Nigel Cini u Ryan Worley kollha rċevew tifħir speċjali għall-proġetti rispettivi tagħhom.

The City of 1000 Gardens mid-ditta tal-arkitettura NIDUM kien il-proġett rebbieħ fil-Premju tal-Kunċett tal-Ippjanar Urban għal Periti. Il-ġurija sabet li dan il-kunċett ta’ ippjanar urban jfittex li jirkupra l-ispirtu komunitarju f’Marsaskala billi jerġa’ jaħseb dwar l-organizzazzjoni fiżika tiegħu, jagħti ħajja ġdida lill-attrazzjonijiet tiegħu u jsaħħaħ il-konnessjoni tiegħu mal- wirt naturali abbundanti. Is-Slow Streets Malta ta’ Studjurban irċeviet tifħir speċjali f’din il-kategorija.

Ritratt: Il-Premju għall-Inġinerija Arkitettonika

Il-Premju għall-Inġinerija Arkitettonika ntrebaħ minn Dr Edwin Mintoff Architects għall-faċilità tal-Aircraft Hangar MRO f’Ħal Luqa. Id-ditta ta’ l-arkitettura ħarset b’suċċess lil hinn minn soluzzjonijiet ta’ disinn komuni, u lejn mezzi innovattivi biex jitnaqqas l-impatt viżwali bħall- introduzzjoni ta’ kurvatura grazzjuża fis-saqaf, filwaqt li żammet waħda mill-akbar medda ħielsa li ġiet iddisinjata fil-Gżejjer.

L-impjant tal-ippakkjar ta’ riċiklaġġ BCRS Malta Ltd mill-Perit Andrea Scremin b’kollaborazzjoni mal-Inġinier Gabriele Sernagiotto u l-Perit Robert Vella rċieva tifħir speċjali. KEIRO Architects kienu r-rebbieħa tal-Vot Pubbliku għall-proġett tagħhom one80 Tal-Belt.

Ritratt: Il-Premju Tal-Vot Tal-Pubbliku

Waqt iċ-ċerimonja, l-Awtorità tal-Ippjanar tat ġieħ ukoll lill-mibki Perit Martin Xuereb għall-kontribut tiegħu lejn il-wirt arkitettoniku tal-Gżejjer tagħna permezz ta’ proġetti storiċi li inkludew fost ħafna oħrajn, il-proġetti rebbieħa tar-Riabilitazzjoni u Restawr tal-belt tal-ħajt medjevali taċ-Ċittadella f’Għawdex u t-tfassil mill-ġdid tal-Piazzetta f’Tas-Sliema.

Il-Premju Tar-Restawr (Ritratt Prinċipali)


Gwida.mt