Permezz ta’ kitba fuq il-paġna tagħhom, The People of Malta laqqgħu lis-segwaċi tagħhom ma’ Luca u ma’ ommu Roberta. Ftit snin ilu ġie bżonn Puttinu, u sal-lum il-ġurnata għadhom jiġbru l-fondi għal Puttinu Cares.
Ommu qalet, “Luca kien fost l-ewwel pazjenti li ddaħħal l-isptar fi żmien il-Covid wara li ġejna mgħarrfa li kellu l-lukimja. Kellu 7 snin, u għamel 3 snin u 3 xhur għaddej bit-terapija meħtieġa. Żmien il-Covid, it-tifel ma kienx qed imur skola, u kien qed juri sintomi mhux tas-soltu. Bdejna naraw ukoll tbenġil f'ġismu u meta għamilt ir-riċerka tiegħi għal dak li kien qed jiġrilu, qrajt li seta' kellu l-lukimja. U hekk ikkonfermaw l-isptar. Ħajti nqalbet ta' taħt fuq. Dak il-ħin mewt tara. Għamel xahrejn sħaħ l-isptar. Jiena u r-raġel kellna ninqasmu għax it-tnejn ma stajniex nidħlu. B'tifla ta' 8 xhur u oħra ta' 4 snin, ridna naraw kif se nlaħħqu. Kien żmien diffiċli immens.”
Kompliet, “L-iktar ħaġa li impressjonatni kien meta dħalna l-isptar b'Luca, u waqt li deħlin, Luca ra t-tfal bil-pajpijiet imwaħħlin magħhom. Dar fuqi u qalli: 'Mamà, jeħtieġ li nitolbu għal dawn it-tfal.' Jiena weġibtu u għidtlu issa nitolbu għal xulxin. Ma kienx għadu rrealizza li hu wkoll kien se jispiċċa bħalhom.”
Żiedet tgħid, “L-għajnuna, il-faraġ, u s-sapport li tawna Puttinu hija xi ħaġa li ma nistax niddiskriviha. Inħoss li jiena rrid nibqa' nagħti sehmi għal Puttinu għaliex ix-xogħol li Angele, Rennie u l-istaff tar-Rainbow Ward qed iwettqu hija xi ħaġa inkreddibli. Ridt nagħti lura l-ftit li rċevejt mingħand Puttinu. Tħoss li trid tagħmel dik ix-xi ħaġa meta quddiem għajnejk qed tara miraklu ħaj iseħħ. Taf ukoll, li minkejja li aħna bħalissa ferħana, għad hemm familji li bħalissa mhux qed jifirħu.”
Qalet ukoll, “Lir-raġel kont għidtlu biex nixtru l-ingredjenti, u bħala fund-raising nagħmlu ftajjar mimlija għall-impjegati fejn it-tnejn li aħna konna naħdmu. Il-biċċa tax-xogħol kibret. Fl-ewwel sena għamilna 650 ftira u dis-sena bi Ftira for Puttinu għamilna 'l fuq minn 6300 ftira. Il-kelma ġriet, u bosta ħaddiema minn entitajiet oħra ordnaw il-ftajjar. Grazzi għall-voluntiera u sponsors għax kieku xi ħaġa bħal din ma twettaqhiex.”
Spiċċat billi qalet, “Tgħallimt li l-ħajja trid toħodha ġurnata b'ġurnata u kull sekonda li tgħix tapprezzaha. Fejn nista' ngawdi, ingawdi. M'għadni ninkwieta għal xejn ħlief fejn hemm bżonn."