Ix-xena tal-mara ġo Ħaż-Żebbuġ tilgħab u tkisser il-pupi liebsa maskra ġibdet l-attenzjoni ta' bosta. Kemm ġewwa Ħaż-Żebbuġ, kif ukoll ġewwa fuq il-midja soċjali inkluż fl-artiklu li ħriġna aħna ta' Gwida.mt.

Provajna niskopru ftit aktar imma donnu ħadd ma jaf xejn. Kien hemm ħafna li provaw jaslu għal konklużjoni ta' x'jista ġara. Kien hemm min qal li forsi din il-mara għaddiet minn xi trawma barra minn pajjiżna u għandha problema biex tifhem il-lingwa tagħna u tixtieq twassal xi messaġġ.

Oħrajn qalu li forsi din ma tħobbx it-tfal u b'hekk qed tagħmel dan. Imbagħad kien hemm min fakkar li l-festa ta' Halloween kważi waslet u forsi din il-mara qed tipprepara għal dak iż-żmien. Kien hemm min issuġerixxa li din taf tkun parti minn produzzjoni fuq it-televiżjoni jew inkella fit-teatru. Ħafna qalu li d-dawl u l-ispeakers setgħu kienu indikazzjoni ta' dan! Min jaf?

Kien hemm min li talab sabiex l-awtoritajiet jintervjenu, jinvestigaw u jekk hemm bżonn jiġbruha. Il-kumment "din miġnuna" deher f'bosta postijieti ukoll! Kien hemm min qal li din saħħara u kulħadd għandu jħalliha fil-paċi u ħalli ma tkunx ta' fastidju. Kien hemm min qal li jista' jkun li dan raġel liebes maskra biex jinħeba u l-għan tiegħu hu li jbeżża' lin-nies.

Kulħadd kellu xi ħaġa xi jgħid, min kien fuq il-post u ra din ix-xena qalilna li kien hemm min daħak, min beża' u min baqa' miexi qisu xejn mhu xejn! Żgur li kienet xi ħaġa mhux li wieħed jistenna li jara fit-toroq Maltin. Deheret f'żewġ postijiet ġo Ħaż-Żebbuġ imbagħad telqet bis-sliem.

S'issa kulħadd għadu jistaqsi Min Hi? Jekk forsi tilmħu lil din il-mara x'imkien, nieħdu gost inkunu nafu, forsi niskopru l-istorja tagħha. Insiru nafu min hi l-mara wara l-maskra. Ngħiduha kif inhi, hawn ħafna nies li jilbsu maskri fil-ħajja ta' kuljum li ma jidhrux.


Emil Calleja Bayliss