Is-safar xi ħaġa li ferm inħobbu aħna l-Maltin u dejjem naraw f’liem pajjiż imissna mmorru. Hawnhekk ħsibna f’lista ta’ affarijiet kemmxejn tad-daħk li l-Maltin iħobbu jagħmlu meta jmorru fuq xi vaganza mal-familjari jew ħbieb tagħhom. Jekk forsi int xi wieħed minn dawk li qatt m’għamilt xi waħda jew oħra, għalkemm għandna dubju serju dwar dan, ċerti li taf lil xi ħadd li għamel aktar minn waħda minn dawn. Ara l-lista u għaddieha lil sħabek ukoll – ejja ħa nidħku ftit flimkien!
Tixtri kulma ssib li jogħoġbok!
L-iskuża jew għax irħas minn Malta jew għax Malta m’għandniex. Imbagħad ġlieda mal-bagalja u tipprova ideffes kemm jista’ jkun affarijiet fil-hand luggage u l-handbag għax dawk mhux dejjem jiżnuhom hux! Kif tasal l-ajruport tibda titlob daqs l-aktar wieħed reliġjuż li tgħaddi bla ma tħallas xi ewro aktar għax tkun infaqt kollox hux!
Tieħu kulma ssib fil-kamra tal-banju tal-lukanda!
Tagħmel dan qisu f’Malta mhux ħa ssib aktar shampoo, shower gel u sapun biex imbaghad probabli titfa’ kollox f’xi kexxun u tinsiehom hemm. Imma l-aqwa li ħadthom lil tal-lukanda hux għax tkun ċert li ħa ssib xi użu għalihom! Ifhem, ħallast għalihom dawn ukoll allura tħallihom hemm x’kull waħda! Tinsiex tiċċelebra!
Jekk il-kolazzjon ta’ filgħodu jkun xi buffet naħsbulu għal ġurnata sħiħa!
Hawn għandek proċedura sħiħa li ssir mill-Maltin! L-ewwel tinżel timla’ platt fuq platt, kemm tiflaħ tiekol tiekol! Ħalli jżommok ġurnata sħiħa hux! Imbagħad tagħmel round ieħor fil-buffet, iddur dak l-ikel li tista’ tixħet ġol-basket, biex kif tħossok li għandek bżonn titrejjaq ftit hekk kif idoqqu nofsinhar issib x’tiekol! Ma tmurx taqa’ fid-debolizza, peress li tkun ilek li kilt sagħtejn qabel biss!
Iddur kull ħanut tal-ikel famuż li f’Malta m’għandix!
Jekk hemm xi chain famuża tal-ikel li f’Malta għadha ma fetħitx, mela għid li l-ewwel post li ħa tiekol żgur li fih! Imbagħad tkun tal-ewwel biex itella’ sensiela ta’ ritratti, tal-post, tal-ikel, xi stess tiegħek mill-post għal fuq il-midja soċjali bil-hashtag bl-isem tal-ħanut! Qisu ħadt is-servizz b’xejn! Imma l-aqwa li urejt lil kulħadd li int mort hemm ukoll!
via GIPHY
Nixtru xi tifkira mill-post lil kulħadd!
Nibdew mill-familjari, inkomplu bil-ħbieb u imbagħad il-kollegi tax-xogħol. Imsieken aħna jekk ninsew lil xi ħadd għax mur għoqod bil-botti kieku! Jekk ma’ jgħidu xejn inkunu ċert li qed jgħidu minn wara darna! Imqar l-iċken oġġett ta’... imma tkun ġibtilhom tifkira jaħasra. Mhux ta’ b’xejn ġejna minn tal-ewwel fl-Ewropa ta’ kemm nonfqu meta mmorru fuq btala!
Nitkellmu bil-Malti għax ħadd ma jifhimna!
Jekk f’Malta nitkellmu bl-Ingliż u ħafna taf jgħidulna tal-pepe, imma meta nkunu barra minn Malta insiru l-akbar patrijotti tal-lsienna. Nitkellmu bil-Malti fejn jaqblilna biex ngħidu fuq dak u fuq l-ieħor. Għala? Għax lilna ħadd ma jifhimna. Imbagħad kif nisimgħu l-iċken kelma Maltija, qalbna tieqaf! Sakemm nindunaw li dik il-ġara!
BONUS!
Kulħadd jaħseb li qed niġġieldu!
Aħna ma nkunu qed nagħmlu xejn speċjali, ħlief li nkunu għaddejin niddiskutu xi ħaġa u nitkellmu b’passjoni. Imma peress li ħafna drabi nużaw ton għoli u nużaw ħafna ġesti malajr jaslu għal konklużżjoni li qed niġġieldu! Mur għidilhom li aħna dejjem hekk!
Issa li rajt il-punti, hemm xi affarijiet oħra li taf li jagħmlu l-Maltin meta jkunu barra mill-pajjiż, tiddejaqx tgħidilna. Ifhem, dawn affarijiet li probabli mhux aħna biss nagħmlu ta’ imma ovvjament kulħadd tiegħu jara u m’hawn xejn isbaħ milli wieħed jidħak ftit bih innifsu. Kultant nagħmlu ċerti affarijiet bla ma naħsbuhom u qabel xi ħadd jagħmel aċċen għalihom anqas biss nirrealizzaw kemm huma tad-daħk!
Instagram / @airmalta