Għal din is-sena, il-Kumpanija Teatrali Dun Mikiel Xerri ser ittella’ dramm ieħor spettakolari b’tema reliġjuza marbut ħafna mal-Passjoni u l-Ġimgħa Mqaddsa. Din is-sena s-suġġett huwa l-Libsa ta’ Kristu.

Skont it-tradizzjoni, din il-libsa ħadmitha Marija u kienet minsuġa biċċa waħda mingħajr ebda żieda. Hija l-istess libsa li fuq il-Golgota tneżżgħet minn fuq il-ġisem imqaddes ta’ Ġesù mis-suldati li kienu miegħu qabel sallbuh. Flok qasmuha bejniethom, kif kienet id-drawwa, dawn is-suldati tefgħu x-xorti għaliha.

Iċ-ċertezza storika tieqaf fil-fatt li Ġesù kellu libsa bħalma kellhom il-Lhud kollha ta’ żmienu u li din baqghet sħiħa wara mewtu. Il-kumplament tal-istorja hija mistħajla iżda minkejja kollox nistghu nagħmlu riflessjoni dwarha għaliex dak kollu li miss mal-Iben t’Alla magħmul bniedem ħa sinifikat ġdid u rridu nħarsu lejh fid-dawl tal-fidi.

Skont l-użanza taż-żmien li fih għex Ġesù, il-libsa kienet tiddistingwi bniedem minn ieħor. Hekk ngħidu għalina, l-Fariżej kienu jilbsu mod u Saduċej ieħor. Ġesù kien jilbes il-libsa tal-fqar. Ħafna Lhud ma kellhomx aktar minn libsa waħda, u s’intendi l-kwalità kienet tirrifletti l-qagħda soċjali ta’ min ixiddha. Il-libsa kienu jieħdu ħsiebha bħala wieħed mill-possessjonijiet importanti, anzi bħala l-uniku oġġett li kellhom.

Il-Libsa ta’ Kristu mhijiex biss oġġett materjali li għandha xi qawwa maġika, iżda daqstant ieħor għandha sinifikat profond u spiritwali għal dawk kollha li jieħdu bis-serjetà s-sejħa tagħhom ta’ nsara. Il-libsa ta' Kristu hija aħna li nuru lid-dinja l-qawwa ta` Kristu l-Iben t'Alla li fdiena.

Fil-partijiet prinċipali insibu lil Ishmael Grech (Marcellus), Joelyne Scerri (Diana), Justin N. Micallef (Dimitrius), Justin Farrugia (Gesù Kristu), Stephen Cutajar (Gaius Caligula), Ernest Attard (Tiberius), Joe Camilleri (Pietru), Daniel Cassar (Paulus), Albert P. Borg (Pilatus) u ħafna u ħafna oħrajn. Produzzjoni u Direzzjoni hija ta’ Paul S, Aquilina.


Emil Calleja Bayliss