Is-Sindku tal-Kalkara u preżentatur lokali Wayne Aquilina, wassal il-frustrazzjoni tiegħu fuq il-mezzi soċjali għal dak li kien qed iseħħ fil-Kalkara, fejn kellu bżonn jintervjenu hu.

Wayne jibda billi jistqarr, "Ma jistax ikun nibqgħu sejjrin hekk! Illum waqqaft xogħlijiet li kienu qed isiru fi Triq Santu Rokku, minħabba nuqqas sew ta' koordinazzjoni. Il-ħidma trid issir, veru! iżda b'aktar galbu li jiġi minn komunikazzjoni u rispett. Il-Kunsill Lokali ma jistax jibqa' paljazza li kulħadd jgħaddi romblu minn fuqu."

Hu jispjega, "Dalgħodu għal xi ħin kont fuq il-post u stajt nara l-konġestjoni li nħolqot minħabba dan ix-xogħol. F'biċċa triq dejqa, trakk jagħti l-konkos, inġenji oħra, gandotti miftuħa u mhux mgħottija bil-pjanċi, karozzi għaddejjin 'wrong-way' u oħrajn jissieltu biex jippruvaw jgħaddu kif kienet id-dritta tagħhom, min jirriversja u aktar."

Wayne ikompli jgħid, "Sfortunatament, din mhux l-ewwel darba li nħolqot sitwazzjoni hekk fl-istess triq, għalavolja f'isem il-Kunsill Lokali widdibt lil min hu responsabli. Din il-ħidma ilha xhur għaddejja. Mhux sew! Illum waqqaft lill-ħaddiema u tlabt lil min hu responsabbli sabiex iżarmaw u ma jkomplux qabel ikollhom il-koordinazzjoni tax-xogħol kif suppost."

Hu jtemm jgħid, "Inwiegħed li nibqa' nisma' lilkom ir-residenti tagħna u nitkellem f'isimkom anke jekk f'ċertu ċirkostanzi bħal tal-lum tkun diffiċli. Iżda nemmen dejjem li bil-kelma t-tajba, naslu!"

Ko-ordinazzjoni hi importanti, daqs kemm hi importanti li bħala ċittadini nsegwu r-regoli sabiex il-ħaddiema jkunu jistgħu jwettqu x-xogħol tagħhom mingħajr ebda problemi.

Facebook / Wayne Aquilina


Gwida.mt