L-ewwel darba fil-Junior Eurovision Song Contest ta' Malta u l-kantant ċkejken Ramires ħareġ bħala r-rebbieħ bil-kanzunetta tiegħu Stilla Ċkejkna miktuba minn Lon Kirkop, Peter Borg u Aleandro Spiteri Monseigneur. Kanzunetta li żgur li għandha post speċjali f'qalb Ramires għal diversi raġunijiet.
Hu jibda billi jgħidilna x'qed iħoss wara din ir-rebħa, "Ninsab kuntent ħafna li wara ħafna sagrifiċċju ta' tagħlim fuq il-vuci u l-wirja irnexxili noħrog rebbieħ. Hija esperjenza li se nġorr għal ħajti."
Ramires ikompli billi jispjegalna ftit dwar kif inħolqot Stilla Ċkejkna u l-idea li tkun dwar il-ħajja tiegħu! Hu jistqarr magħna, "Il-kanzunetta hija dwar il-vjaġġ tiegħi ta' kif sibt ruħi Malta. Jiena tifel addottat mill-Kambodja. Il-ġenituri tiegħi Maltin li telgħu hemmhekk biex ġabuni ngħix hawn ta' ftit xhur."
Ritratt: Visuals of Kyle
Hu jkompli, "Meta ltqajt mat-tim iddiskutejna fuq xiex stajna niktbu t-tema però imbagħad kien hemm l-awtur, Lon Kirkop li issuġġerixxa li nagħzlu tema reali, storja vera għax kien jemmen li nies se tirrelata sew mal-kanzunetta."
Aħna staqsejnieh dwar il-fatt li din hi l-ewwel darba li pajjiżna tiela' b'kanzunetta kollha kemm hi bil-Malti. Ramires jgħidilna, "Iddeċidejna nagħmluha bil-Malti ħabba l-fatt li kemm il darba smajna kummentaturi barranin jgħidulna kif ma tkantawx bil-lingwa Maltija? U ħadna riskju u jidher li ħadem tajjeb."
Ritratt: Visuals of Kyle
Jidher li l-ħidma għaddejja ġmielha hekk kif Ramires jistqarr magħha, "Bħalissa qed inkomplu nirfinaw il-kanzunetta aktar u x'nistgħu nagħmlu sabiex fl-aħħar mill-aħħar toħroġ wirja tajba."
Hu jgħidilna li jinsab ħerqan dwar l-avventura f'Novembru li ġej, "Inħares 'l quddiem biex ġewwa Madrid ngħolli isem Malta, il-pajjiż li addottani u sirt ċittadin tiegħu. Nirringrazzja lill-pubbliku tas-sapport li tani u qed jagħtini u lil kull min hu nvolut f'din ir-rebħa tiegħi. Inħares 'l quddiem biex nagħmilkom kburin li aħna Maltin."
Visuals of Kyle