Passiġġieri li se jtiru lejn jew minn diversi destinazzjonijiet tal-Air Malta jistgħu jkunu qed ipoġġu f’seats li ma ġewx imnaddfa, dan seħħ wara li l-linja tal-ajru temmet il-kuntratti tat-tindif tagħha u l-ekwipaġġ irrifjuta li jagħmel dan ix-xogħol.

Is-sit Times of Malta jirrapporta li l-miżura tat-tnaqqis tal-ispejjeż ittieħdet hekk kif il-linja tal-ajru naqset l-operat tagħha qabel mal-kumpanija l-ġdida tieħu f’idejha l-linja tal-ajru nazzjonali fl-1 ta’ April.

Il-ġimgħa li għaddiet, l-ekwipaġġ ġie infurmat li l-kuntratt biex jitnaddfu l-kabini tal-ajruplani bejn it-titjiriet kien intemm għal tmienja mill-15-il destinazzjoni tal-Air Malta.

Id-destinazzjonijiet affettwati mid-deċiżjoni huma Milan Linate, Ruma, Katanja, Zurich, Praga, Lyon, Berlin u Dusseldorf. L-istess ajruplani jitnaddfu biss meta jtiru lejn xi waħda mis-seba’ destinazzjonijiet l-oħra tal-Air Malta.


Emil Calleja Bayliss