Il-kantawtur lokali Mark Spiteri Lucas ilbieraħ waqt il-Eurovision Song Contest għadda kritika għall-mod kif dan il-festival inbidel illum il-ġurnata. Hu kiteb, "Il-Eurovision huwa xow għall-familja jew tal-adulti biss? Qed nistaqsi għall-ħabib. Nistħi nsegwih ma' binti!"

Sentiment li qasmu oħrajn miegħu, kemm fuq l-istess kitba li tella' lbieraħ fuq Facebook u anke oħrajn li kienu qed isegwu inkluż nies li huma fl-industrija tal-mużika. Minn kantanti b'ħafna laħam mikxuf, għall-kantanti b'kanzunetti li kellhom żfin ftit jew wisq meqjus provokanti, għall-kanzunetti b'viżwal tal-waħx, insomma kien hemm ftit minn kollox.

Għalkemm fil-passat konna naraw waħda jew tnejn minn dawn it-tip ta' wirjiet, illum tista' tgħid li saru n-norma. Forsi għax kulħadd jara kif se jiġbed l-għajn. Il-fatt li tneħħiet il-ġurija mis-serati tas-semifinali, ifisser li d-delegazzjonijiet qed ikollhom jiffukaw l-aktar fuq kif se jiġbru l-attenzjoni tat-telespettatur.

Dan ma jfissirx dejjem li jitjieb il-livell tal-kanzunetti, iżda li tħalli impatt viżiv sabiex min qed jivvota mid-dar jiftakar il-kanzunetta tiegħek u jivvotalha.

X'taħsbu dwar dan?


Emil Calleja Bayliss