Il-paġna lokali It-Temp Madwarna tikteb dwar dak li għandna nistennew fil-jiem li ġejjin. Huma jgħidu li għandna nsitennew aktar xita fi tmiem ta' Frar u fil-bidu ta' Marzu. Huma jiktbu, "Pressjoni baxxa fuq il-Baħar Jonju se tersaq lejn il-Lvant, filwaqt li sistema ta' maltemp oħra marbuta ma' pressjoni baxxa fuq Franza ser tinżel fil-Mediterran u tintensifika fuq it-Tuneżija qabel tispiċċa fiċ-ċentru tal-Mediterran ħruġ Frar u dħul Marzu."

Huma jżidu li t-temp li għandna nistennew huwa, "Ġeneralment bnazzi u ftit aktar sħun għada t-Tnejn 26/2. Ħafna sħab għoli t-Tlieta 27/2 u pjuttost sħun (riħ isfel). Bnazzi u riħ isfel anke l-Erbgħa 28/2, b'ċans ta' maltempata fit-tard. Mistennija x-xita bejn il-Ħamis 29/2 u l-Ġimgħa 1/3. Ġeneralment bnazzi iżda b'ċans ta' xita fi tmiem il-ġimgħa."

Rigward it-riħ huma jgħidu, "Ftit qawwi (F5) li jsir moderat (F4) l-aktar mill-Punent Majjistru (WNW) għada t-Tnejn 26/2. Nofsinhar ix-Xlokk (SSE) moderat (F4) li se jitqawwa (F5-7) nhar it-Tlieta 27/2. Buffuri mal-lejl. Riħ isfel ftit qawwi (F5) anke l-Erbgħa 28/2 li mbagħad isir moderat mil-Lbiċ (SW). Ħafif għal moderat (F3-4) mil-Lbiċ (SW) il-Ħamis 29/2. Mill-Grigal (NE) ftit qawwi (F5) mal-passaġġ tal-pressjoni baxxa minn viċin xtutna, nhar il-Ġimgħa 1/3. Mill-Punent (W) għal-Lbiċ (SW) ħafif/moderat (F3-4) nhar is-Sibt 2/3. Mill-ġdid riħ isfel mistenni għall-Ħadd 3/3."

Rigward it-temperaturi huma jgħidu li dan se, "Jogħlew minn 17°C għal 20°C bejn għada 26/2 u t-Tlieta 27/2, u jerġgħu jinżlu f'medja bejn 16° u 18°C għall-kumplament tal-ġimgħa." It-temperaturi minimi, "F'medja bejn 10°C u 15°C (fir-riħ jinħassu inqas). Tal-baħar: 16°C."


Emil Calleja Bayliss