L-Awtorità tat-Turiżmu (MTA) ħabbret li mill-1 ta’ Mejju li ġej se tidħol sistema fejn min ikun irid imur il-Blue Lagoon jeħtieġ li jibbukkja minn qabel. Dan kollu għall-ġid tal-ambjent tas-sit, biex jiġi mħares aħjar.

“Book, Protect, Enjoy” (Ibbukkja, Ipproteġi, Gawdi) - hekk ġiet imsemmija s-sistema ġdida. Dak li jkun jista' jmur il-Blue Lagoon b’dgħajsa privata jew kummerċjali. Biex jagħmel dan jeħtieġ li jibbukkja bla ħlas fuq is-sit bluelagooncomino.mt

Hemm tliet ħinijiet li minnhom persuna tista' tagħżel xħin tmur. Dawn huma:

  • bejn it-08:00 u s-13:00,
  • bejn is-13.30 u l-17.30
  • bejn is-18:00 u l-22:00

Meta wieħed jibbukkja, is-sistema tiġġenera b’mod awtomatiku QR code li dak li jkun irid jippreżenta malli jasal il-Blue Lagoon.

FL-2024 madwar 12,000 ruħ żaru l-Blue Lagoon. Din is-sistema timmira li ma jkunx hemm aktar minn 4,000 persuna f’ħin wieħed. Dan hu pjan li ser iġib miegħu bilanċ bejn it-turiżmu u l-ambjent.


Gwida.mt