Mart il-Prim Ministru Robert Abela, Dr Lydia, għadha kif nediet ir-4 edizzjoni tal-inizjattiva filantropika 'Rigal B'Imħabba', proprju għaż-żminijiet tal-Milied.
Permezz ta' din l-inizjattiva, il-pubbliku huwa mħajjar sabiex jagħti rigal lil tfal fil-bżonn billi jpoġġihom taħt is-siġra tal-Milied li hemm biswit Kastilja.
Huwa mifhum li l-ġbir sa jkun qed iseħħ bejn it-12 u l-21 ta' Diċembru 2023.
"Fis-snin preċidenti wettaqna l-ħolm ta' eluf ta' tfal," tistqarr Dr Lydia, filwaqt li żżid tgħid li tinsab "konvinta li mill-ġdid, bl-imħabba u l-ġenerożità" tal-poplu Malti u Għawdxi, din l-inizjattiva sa terġa' tikseb suċċess.
Fi Pjazza Kastilja ġiet ukoll imnedija kanzunetta tal-Milied appuntu għal din l-inizjattiva - 'Inwettqu l-Ħolm'. Din il-kanzunetta ġiet ippreżentata minn ħadd għajr La Voix Choir.
Preżenti kien hemm ukoll Jake Vella li mistenni jagħti l-kontribut tiegħu billi jiġbor prodotti tal-ikel u affarijiet relatati mal-annimali.
X'taħsbu dwar din l-inizjattiva filantropika?