Dal-lejl, il-gżira ta' Għawdex kienet milquta minn maltemp qawwi. Kmieni dalgħodu ħafna setgħu jisimgħu r-ragħad u kien hemm lokalitajiet li fihom ukoll raxxet ftit xita. Il-paġna Aġġornament tat-Temp tikteb x'seħħ.
L-ewwel post tgħid, "Bħalissa 3:26. Maltempata oħra bir-ragħad fuq xi lokalitajiet ġewwa Għawdex, inkluża sajjetta cloud-to-Earth fuq ir-Rabat, Għawdex. Interessanti wkoll il-maltempata li nħolqot fil-majjistral ta’ Għawdex fuq il-baħar, kif immarkat fil-grafika. Dik hija maltempata estrema, u l-indikazzjoni hi li mhix se tmissna u se titlef mill-intensità tagħha. Żgur ma konniex qegħdin nistennew dan it-tip ta’ temp!"
Huma jżidu, "Fil-grafika naraw is-sitwazzjoni preżenti. Ta’ min ifakkar li s’issa l-ewwel figuri juru 8mm xita fuq ix-Xagħra, Għawdex, li kien wieħed mill-aktar lokalitajiet li ħa xita. Dan it-temp instabbli mistenni jitlef mill-intensità mas-sebħ."
Għal madwar il-5:00 ta' filgħodu kitbu, "Maltempata oħra fuq Għawdex! F’Jannar ma rajniex dan it-tip ta’ maltemp! U Malta xejn! Is-sajjetti li hawn fuq Għawdex... ħafna minnhom cloud-to-Earth."
F'post li ħarġu fil-5:30 jiktbu, "Sajjetti qawwija fuq Għawdex. L-indikazzjoni hi li sa 5:45 tikkalma. Din hija proprju maltempata li l-Mediterran kapaċi joħloq. Dan huwa kkawżat minn nuqqas ta' riħ fl-għoli tal-atmosfera kif ukoll instabbiltà fil-Mediterran."