Ir-radju u t-televiżjoni huma mezz ta' kumpanija għal dawk li jħossuhom weħidhom u fi ġranet fejn il-pajjiż ikun qed jiċċelebra xi festa jew oħra, isib min jirrekordja l-programmi. Joe Julian Farrugia li jippreżenta l-programm Joe Julian Filgħodu li jixxandar mis-06:00 'l quddiem fuq Radju Malta mit-Tnejn sal-Ġimgħa jkellimna dwar edizzjoni speċjali fil-Ġimgħa l-Kbira tal-programm tiegħu.

Hu jgħidilna, "Kif nagħmel fil-festi l-kbar, dakinhar nidħol xogħol xorta u l-programm nagħmlu live. Ir-raġuni hi li f’jum ta’ festa nħobb niddedika l-programm kollu lis-semmiegħa u niftaħ it-telefonati għal kulħadd, speċjalment dawk waħedhom. Nemmen li fil-festi dan huwa dmir ta’ xandar lejn dawn il-persuni."

Il-preżentatur Joe Julian Farrugia kompla jgħidilna li tant iċemplu nies f’okkażjonijiet bħal dawn li ġieli fi tliet sigħat lanqas daqq żewġ diski sħaħ. Nhar il-Ġimgħa l-Kbira, matul it-telefonati s-semmiegħa se jintalbu jitkellmu dwar dak kollu li jixtiequ, kif ukoll dwar tfulithom fi żmien l-Għid. F’xi ħinijiet se jkun ukoll fl-istudjo Fr Karm Debattista MSSP, li wkoll se jkun parti mid-diskursati mas-semmiegħa.

Joe Julian Filgħodu jixxandar mit-Tnejn sal-Ġimgħa fuq Radju Malta 93.7FM. In-numru tat-telefon huwa 2291 3395/6. Tista’ tikkuntattja lill-programm ukoll permezz ta’ Facebook billi tidħlu HAWN.


Emil Calleja Bayliss