Bi ftit ġimgħat ’il bogħod miż-żewġ kunċerti spettakolari li ser isiru fil-qalba ta’ Ħal Għaxaq, l-organizzaturi, Għaxaq Music Events, komplew joħorġu aktar dettalji dwarhom.

Is-Sibt 18 ta’ Mejju f'Ħal Għaxaq ħa jkun hemm kunċert mill-vuċi stupenda tal-artista Amerikana, Anastacia. Qabel il-folla mistennija għal dan il-kunċert tkun tista’ titpaxxa bil-mużika popolari ta’ Anastacia, ser tkun tista’ tgawdi wkoll il-vuċijiet ta’ Kurt Calleja u Glen Vella li ser ikunu s-supporting acts ta’ din il-lejla.

Apparti n-numru ta’ diski li tant huma famużi għalihom, żgur li ser ikunu qed joffru lill-udjenza iż-żewġ kanzunetti rebbieħa tal-festival Mużika Mużika, Bla Tarf u Ħarsa Biss li kull meta jindaqqu joħolqu atmosfera tant sabiħa fost in-nies. Wara li mbagħad Anastacia toffri l-ispettaklu tagħha, din il-lejla maġika ser tagħlaq permezz ta’ gig minn Dj Ziggy li tant hu magħruf fost iż-żgħażagħ Maltin għall-mużika eċċellenti li kapaċi joħloq.

Aktar kmieni kien tħabbar li nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Mejju, il-ġurnata li fiha Umberto Tozzi ser jagħti l-kunċert tiegħu, l-udjenza ser tkun tista’ tgawdi wkoll ftit talent lokali qabel il-kantant Taljan jagħti l-prestazzjoni tiegħu. Il-grupp Għawdxi li tant hu popolari mal-Maltin, The Travellers, ser ikun qed jagħti l-ispettaklu tiegħu bħala supporting act f’din is-serata.

Maħbub għal-lirika Maltija, dan il-grupp ser joffri ftit mill-kanzunetti tiegħu fosthom il-famużi; Xemx u Xita, Ersaq fil-Qrib u Ħafi Paċi Kuluri li żġur ser jinżlu għasel mal-atmosfera li kapaċi joħolqu The Travellers. Dawk kollha li jieħdu gost bil-mużika tas-snin tmenin żgur li ser imorru fuq vjaġġ nostalġiku hekk kif is-serata tagħlaq permezz ta’ DJ Alex Grech magħruf ma’ ħafna għall-iljieli tiegħu The Reflex 80s. B’hekk dan il-lejl maġiku ser joffri lil dawk kollha li jattendu, mużika Maltija, mużika mis-snin tmenin u l-qofol ta’ kollox, mużika Taljana minn Umberto Tozzi nnifsu.

Dawk kollha li għadhom ma xtrawx il-biljetti tagħhom għal dawn iż-żewġ serati impekkabbli, jistgħu jagħmlu dan minn www.showshappening.com. Għal aktar dettalji u informazzjoni nħeġġukom iżżuru l-paġna ta’ Facebook Għaxaq Music Events.

Dan il-festival qiegħed isir taħt il-patroċinju distint tal-Kunsill Malti għall-Arti u Festivals Malta.


Gwida.mt