Eurodrama Entertainment SL, kmieni llum ħabbret flimkien ma’ Senhit, Destiny u Rosa Lopez, tour mad-dinja kollha bil-missjoni li jġib il-Eurovision Song Contest lil kull min ma jistax jattendi l-ispettaklu f’Mejju.

Il-Eurovision Song Contest huwa popolari mmens u għalhekk Eurodrama Entertainment, SL qed tippreżenta Eurovision on Tour biex toħloq opportunità, biex kemm jista’ jkun nies jissieħbu fl-esperjenza diretta tal-Eurovision.

Bosta leġġendi tal-Eurovision bħar-rebbieħa Emmelie de Forest, Linda Martin, Destiny, Nicki French, Rosa Lopèz u Senhit se jkunu parti mill-ispettaklu li se jittella' fl-Ewropa u l-Awstralja minn Ottubru 2024 sa Jannar 2025. Dan il-perjodu ta’ żmien intgħażel biex ma jfixkilx il-preselezzjonijiet nazzjonali.

"L-idea ġiet ippreżentata għall-ewwel darba fl-2019. Wara pandemija dinjija flimkien ma’ sentejn ta’ negozjati, Eurodrama Entertainment, SL setgħet tassigura l-esklussività u l-użu tal-isem mill-EBU biex torganizza l-ewwel tour dinji tal-Eurovision Song Contest," spjegat Senhit, li rrappreżentat lil San Marino u li se tkun ukoll waħda mill-preżentaturi tat-tour.

Il-viżitaturi jistgħu jistennew spettaklu uniku u interattiv b'parteċipanti mis-snin riċenti u l-passat. Fi kważi tliet sigħat l-udjenza se tgħix mill-ġdid l-akbar mumenti mit-68 edizzjoni tal-akbar spettaklu mużikali live fid-dinja. Apparti ż-żona tal-kunċert, fejn se jsir l-ispettaklu, se jkun hemm żona għas-segwaċi bi props tal-palk, ħwejjeġ leġġendarji u replika tat-trofew emblematiku tal-ħġieġ.

Kantanti involuti s'issa f'dan it-tour jinkludu:

  • Linda Martin (l-Irlanda, 1984 – 1992)
  • Jalisse (l-Italja, 1997)
  • Nicki French (Renju Unit, 2000)
  • Rosa Lopèz (Spanja, 2002)
  • Emmelie de Forest (Danimarka, 2013)
  • Suzy (Portugall, 2014)
  • Sunstroke (Moldova, 2010 & 2017)
  • Senhit (San Marino, 2011 & 2021)
  • Destiny (Malta, 2021)
  • The Roop (Litwanja, 2021)

Dan it-tour se jmur f'dawn il-postijiet iżda mhux eskluż li jitħabbru postijiet oħra:

  • 25.10.2024 – Madrid – Palacio Vistalegre
  • 27.10.2024 – Stokkolma – BERNS
  • 03.11.2024 – Pariġi – Casino de Paris
  • 07.11.2024 – Londra – Outernet
  • 10.11.2024 – Varsavja – Progresja
  • 13.11.2024 – Brisbane – Tivoli
  • 15.11.2024 – Melbourne – Palais Theatre
  • 17.11.2024 – Sydney – ENMORE
  • 2.01.2025 – Amsterdam – AFAS Live

Facebook / Destiny Chukunyere


Emil Calleja Bayliss