Cynthia u Shaun Zaffarese, żewġ aħwa li għandhom il-passjoni tal-kant u kemm-il darba ikkompetew u kantaw kemm flimkien, kif ukoll individwalment. L-aħwa tkellmu ma’ Gwida.mt u qalulna li huma jemmnu li xi darba jew oħra għad iħallu t-timbru tagħhom fix-xena mużikali.

Cynthia għandha 26, filwaqt li Shaun għandu 21 iżda ħafna jaħsbuhom tampar xulxin. Cynthia ma naħsibx li tiddejaq b’dan! Xi ħaġa li tnejn qabblu fuqha hi li l-mużika titwieled biha, speċjalment id-don tal-kant u huma jħossuhom ixxurtjati li għandhom dan it-talent!

Shaun jgħidilna: “Dak li nħoss jien meta nisma’ u nara lill-idoli tiegħi jkantaw, irrid inwasslu jien lin-nies ta’ madwari.” Jekk forsi qed taħsbu li ġieli rajtu lil aħwa qabel, mhux sejrin żball. Shaun rebaħ it-talent ġdid fis-sena 2016 fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza bil-kanzunetta Vittorja.

Lil Cynthia rajnieh fl-X Factor tas-sena l-oħra bħala parti minn dwett u kisbet numru ta’ suċċessi ġo festival lokali żgħar ġewwa pajjiżna. Riċentament l-aħwa ħarġu kanzunetta bl-isem ta’ If I Pray, miktuba minn Marco Debono, b’lirika ta’ Doris Chetcuti.

L-aħwa jgħidulna li l-kanzunetta tispjega kif anke jekk it-telgħa tal-ħajja hija wieqfa wisq, wieħed għandu jibqa’ jissielet u ma jaqta’ qalbu qatt. Kif jgħid il-Malti, għin ruħek biex Alla jgħinek. Motto li l-aħwa jħaddnu bl-aktar pożittività.

Huma lesti li jkomplu jaħdmu biex jirnexxu f’dak li kapaċi jagħmlu u jkomplu jsemmgħu leħinhom fil-veru sens tal-kelma. Ma jiddejqux jesprimu dak li jemmnu fih bil-mużika u lesti li jkomplu jagħmlu dan bil-kanzunetta li joħorġu. F’isem Gwida.mt nifirħu lil dawn iż-żewġt aħwa għal aktar suċċessi.


Emil Calleja Bayliss