Alexandra Forster hija tfajla ta’27 sena, li taħdem fil-qasam tax-xjenza f’kumpanija tal-farmaċewtika u qed tkompli l-istudji tagħha f’baċellerat fl-Università, tagħżel li taqsam esperjenza personali fuq il-profil tagħha dwar il-bullying li kienet tesperjenza meta kienet fi ċkunita.

“Dawk li huma qrib tiegħi jafu li l-piż tiegħi u kif inħares lejja nnifsi kien l-ikbar dgħufija tiegħi. Dgħufija li feġġ kaġun ta’ snin twal ta’ bullying meta kont tifla kif ukoll anka meta kont qed nibker. L-affarijet li n-nies għamlu u qaluli bdew jikluli moħħi kontinwament u sfortunatament minħabba n-nuqqas ta’ kunfidenza u l-bosta insigurtajiet ma ppermettejtx li nkun l-aħjar verżjoni tiegħi nnifsi. Ma għamiltx ħafna affarijet minħabba biża’ u sa anka tlift relazzjonijet ta’ potenzjal kif ukoll weġġajt xi wħud minħabba t-turment tiegħi. Iżda din is-sena għamilt wegħda miegħi nnifsi li ser niffoka fuqi u għall-ewwel darba f’ħajti ser nagħti priorità lili nnifsi.

Sabiex wieħed jitgħallem jidderiġi mħabba lejh innifsu, dan huwa proċess diffiċli mmens speċjalment fis-soċjetà tossika tal-lum fejn kollox huwa falz.  Agħmel ftit passi żgħar kuljum sabiex tgħin lileki nnifsek tkun aħjar u qatt tikkumpara l-vjaġġ tiegħek innifsek ma’ tal-oħrajn. Aħna kollha sbieħ bil-mod awtentiku tagħna u s-sbuħija mhijiex biss dik li ssib fuq barra iżda wkoll fuq il-ġewwieni tagħna, li dan joħroġ is-sabiħ ta’ kull wieħed u minna. Ħobb lilek innifsek minn rasek sa saqajk anka jekk tħossok orrur, u kun af li hemm ħafna meta jħarsu lejk jixtiequ għandhom dak li gġandek int. Dejjem tbissem u tħalli lil ħadd ikissirlek ruħek jew jisraq id-dawl tiegħek. Ftakar li int persuna unika u sabiħa.”

Grazzi minn għandna Gwida.mt lil Alexandra talli wriet dan il-kuraġġ u qasmet l-istorja tagħha magħna.

a

Facebook / Alexandra Forster


Rowena Calleja