Kienet is-sensiela li fl-aħħar tas-Snin 70 ġennet lit-telespettaturi madwar id-dinja. Inħadmet bejn l-1978 u l-1991 u wara żewġ films televiżivi fl-1996 u l-1998, irritornat għal tliet staġuni oħra bejn l-2012 u l-2014. Kellha wkoll spin off bl-isem ta’ Knots Landing li wkoll kienet ta’ suċċess kbir tant li minnha saru 344 puntata.

View this post on Instagram

A post shared by 70s & 80s Childhood Memories (@70s_80s_childhood_memories) on

Il-karattru ta’ J.R. Ewing bla dubju kien l-aktar popolari mad-dinja kollha u meta sparaw fuqu ntlagħbu flejjes kbar fuq min seta’ kien li ġibed il-grillu. Dallas tfaċċat għall-ewwel darba nhar it-2 ta’ April 1978.

F’Malta s-sensiela Dallas ukoll kienet kisbet suċċess u dan minkejja li l-ewwel puntati kienu jixxandru fuqTVM tard is-Sibt filgħaxija. Is-sensiela ntlaqgħet tajjeb għalkemm kien hemm ukoll kritika li sensiela ta’ dan it-tip ma kellhiex tixxandar hawn Malta.

View this post on Instagram

A post shared by Definitive Dallas (@definitivedallas) on

Madanakollu fl-istess żmien li kienet tixxandar fuq ix-xandir nazzjonali, Dallas diġa kienet bdiet tixxandar fuq ir-Rai f’April 1981 u kisbet suċċess fenomenali, tant li l-istazzjon rivali Canale 5 ħataf l-opportunità u minn taħt imneħirhom akkwista d-drittijiet għall-puntati tat-tieni staġun li bdew jixxandru ftit ġimgħat wara.

Ħafna Maltin kienu bdew isegwu Dallas kemm fuq TVM u anki bit-Taljan fuq Canale 5 u wara fuq Rete 4. Għal snin twal din is-sensiela kienet l-aktar segwita fuq dan l-istazzjon Taljan u hawn Malta, nhar ta’ Tnejn, fil-jum li mbagħad bdiet tixxandar, it-telespettaturi kienu jagħmlu ħilithom biex għal ħin tat-8.30pm jkunu miġbura quddiem it-televiżjoni.

Il-karattri tant saru popolari li huwa fatt magħruf li għal bosta snin kien hemm min beda jsemmi lit-trabi li bdew jitwieldu proprju għall-karattri ta’ Dallas. Ironikament, l-unika attriċi li ħadmet f’Dallas mill-bidu sal-aħħar kienet dik li kellha l-inqas importanza meta l-istorja bdiet iżda saret protagonista assoluta u maħbuba.

View this post on Instagram

A post shared by Linda Gray (@lindagray_) on

Qed nirreferi għal Sue Ellen (Linda Gray), il-mara ta’ J.R. Ewing (Larry Hagman), li kien ikollha l-inqas parlant u spiss kienet biss tidher fl-isfond ta’ xeni. L-ewwel serje ta’ sitt puntati kienet tiffoka fuq l-istorja ta’ Bobby (Patrick Duffy) u Pamela (Victoria Principal) li jiżżewġu minkejja l-oppożizzjoni u r-rivalità bejn il-familji tagħhom. Iżda t-telespettaturi ħabbew lill-Ewings u b’hekk żvolġew il-karattri l-oħra fit-tieni staġun li kien estiż għal 24 puntata.

In-nies bdew isiru jobogħdu lil J.R, jissimpatizzaw ma’ Sue Ellen, jiggustaw lin-neputija Lucy (Charlene Tilton) u nġibdu lejn il-famuża Miss Ellie (Barbara Bel Geddes), li dejjem tgħaqqad il-familja.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @definitivedallas


Frederick Zammit