F’dinja fejn il-kliem jista’ jweġġa’ daqs, jekk mhux aktar minn arma, il-kliem qawwi ta’ Johan Mifsud jservi ta’ tfakkira kruċjali dwar il-poter li għandna f’ilsienna. Huwa jixħet dawl fuq realtajiet li ħafna drabi jiġu injorati: il-vjolenza emozzjonali, il-piż tal-kliem negattiv, u l-ħsara li tista’ ssir b’sentenza waħda biss.

Johan jikteb, "Kelma waħda tista’ tbiddel il-ħajja ta’ bniedem ta’ taħt fuq. Hemm min joqtol bl-armi u hemm min qatel bil-kliem tiegħu. Hemm aktar kriminali barra milli hemm ġewwa l-ħabs. U int, li tista’ tkun il-vittma ftakar li għal kull kelma kattiva hemm mija tajbin."

Hu jtemm jgħid, "Imma sfortunatament, it-tajjeb niktbuh jew ngħiduh meta jkun tard wisq. Kuraġġ u dejjem fittex l-għajnuna. Dak li joħroġ minn ħalqek hu riflessjoni ta’ dak li għandek f’qalbek."

Wieħed għandu jħares aktar fil-fond lejn kif il-kliem jista’ jifforma jew jeqred l-esperjenzi ta’ persuna, u għaliex huwa importanti li nkunu aktar konxji mill-mod kif nużawh. Il-messaġġ ta’ Mifsud hu sejħa għal empatija, kuraġġ u għarfien għax kull kelma tgħodd.


Emil Calleja Bayliss