Jekk tixtieq li tmur tara musical bi storja b'saħħitha, artisti mill-aqwa, mużika bi stil mexxej fejn kollox jieħu l-ħajja bl-aktar mod interessanti, mela ma għandekx titlef iċ-ċans li tmur tara Cabaret.

Ilbieraħ, kelli ċ-ċans li nkun fost il-ftit li raw l-ewwel spettaklu li ttella' għall-udjenza limitata tal-produzzjoni l-ġdida tat-Teatru Manoel, Cabaret. Ikolli nistqarr li kont imsaħħar u mill-ewwel ftit minuti ta' dan il-musical, dħalt fid-dinja ta' Cabaret.

Il-musical kellu fost l-aqwa talenti lokali miġbura flimkien taħt saqaf wieħed, id-direzzjoni tal-produzzjoni kienet f'idejn Lucienne Camilleri li lllum il-ġurnata żgur li m'għandha bżonn ta' ebda introduzzjoni f'dan il-qasam, id-direttur mużikali kien il-bravu Mro. Ryan Paul Abela, filwaqt li l-kostumi kienu fdati f'idejn Stefania Grech Vella. Magħhom ingħaqad Adrian Mamo li hu d-direttur artistiku tat-Teatru Manoel li ħa ħsieb id-disinn tas-sett. Riċetta mill-aqwa għall-produzzjoni ta' suċċess.

Fil-partijiet prinċipali rajna lil Sean Borg fil-parti ta' Emcee, parti li mhux spikka fiha imma eċċella, rajna lil Maxine Aquilina tirritorna fuq il-palk fil-parti ta' Sally Bowles fejn spikkat bit-talenti sbieħ tagħha speċjalment xħin tkanta l-kanzunetta li ġġorr l-isem ta' dan il-musical. Jason Scerri flimkien ma' Neville Refalo fil-partijiet ta' Clifford Bradshaw u Ernst Ludwig, rispettivament kienu xejn għajr brillanti.

<> Ma' dawn l-aristi, l-udjenza preżenti setgħet tgħix l-emozzjonijiet li qed jgħixu huma, minn daħk, għal niket u inċertezzi. Stephen Oliver u Isabel Warrington kienu xejn ħlief eċċezzjonali fil-parti ta' Herr Schults u Frauleiin Schneider. Filwaqt li Natassja Chapman tat il-ħajja lill-karattru vivaċi ta' Fraulein Kost.

Il-mużika tkompli tanima bl-isbaħ mod possibbli dan il-musical. Musical ikoniku li kien ittella' ġewwa pajjiżna madwar 21 sena ilu! Musical ibbażat fuq il-kitba ta' Christopher Isherwood, b'mużika ta' John Kander u lirika ta' Fred Ebb.


Emil Calleja Bayliss