L-attur bravissimu Fabian Scerri De Carlo huwa wiċċ sinonimu fid-dinja tal-ispettaklu hekk kif tul is-snin rajnih f'uħud mill-aqwa produzzjonijiet televiżivi, fosthom Ipokriti, Simpatiċi, F'Baħar Wieħed, Il-Kristu tal-Kerrejja, Tgħanniqa kif ukoll Vittmi.
Madankollu, żgur li jibqa' l-aktar magħruf għall-karattru komiku ta' Gawdenz Bilocca li kien sawwar u interpreta hu stess iktar minn 20 sena ilu, iżda għadu ikoniku u maħbub mill-udjenza Maltija sal-lum il-ġurnata.
Hekk kif qed nagħtu bidu għal sena ġdida, it-tim ta' Gwida.mt avviċina lil Fabian fejn permezz ta' sensiela ta' domandi skoprejna aktar dwar il-ħiliet artistiċi tiegħu.
1. Tul il-karriera tiegħek interpretajt diversi karattri. Liema wħud baqgħu l-iktar f'qalbek?
Il-karattri li interpretajt kienu kollha għal qalbi. Bla dubju Gawdenz wieħed mill-iktar li ħadt gost ninterpreta peress li anke ħloqtu jien. Permezz tiegħu ferraħt ħafna nies, inkluż tfal b'diżabbiltà u nies li kienu f'sodda fi sptar. Irnexxieli ntihom tbissima b'dan il-karattru.
Karattru ieħor li ħadt gost nagħmlu hu dak tal-Foqri fi Kristu tal-Kerrejja. Kien karattru għalkollox differenti mill-karattru tiegħi.
Esperjenza oħra li baqgħet f'qalbi kienet l-interpretazzjoni li għamilt ta' Bjorn fejn għamilna bijografija ta' dawn l-aħħar għaxar snin li għadda minnhom mindu qabditu l-marda tal-ALS.
2. Kif beda t-traġitt tiegħek fix-xena tal-ispettaklu?
It-traġitt tiegħi beda proprju meta kont żgħir u ħadt sehem f'pageant tal-Milied, fejn qabel qatt ma kont nieħu sehem f'attivitajiet bħal dawn. Imbagħad bdejt nattendi sala taż-żagħżagħ f'San Ġiljan u bdejt nieħu sehem f'diversi reċti, però l-karriera tiegħi bdiet verament meta għamilt seba' snin mmur fl-iskola tad-drama tal-MTADA. Wara mxejt minn produzzjoni għall-oħra u bqajna għaddejjin sal-ġurnata tal-lum.
3. Interpretajt varjetà ta' karattri, wħud komiċi u oħrajn aktar emozzjonali. Liema minn dawn it-tnejn huma l-aktar faċli biex tinterpreta? U liema tippreferi l-aktar?
Kull karattru fih l-impenn tiegħu. Karattru komiku bħalma huwa Gawdenz mhuwiex faċli biex tinterpreta peress li trid titgħallem il-mossi, d-daħka u anke t-timing ta' ċerti battuti. Tant ieħor il-karattri li huma aktar serji għax trid tistudjhom sew. Meta interpretajt il-karattru ta' Peppi Azzopardi, ridt nistudja l-mossi ta' Peppi, kif jimxi u kif jitkellem.
M'għandi l-ebda preferenza bejniethom. Kull karattru nieħu gost ninterpretah diment li jkun għal qalbi, kemm jekk ikun komiku u anke jekk ikun serju.
4. Hemm possibbiltà li naraw ir-ritorn ta' Gawdenz Bilocca fuq it-televixin Malti tul is-sena li ġejja?
S'issa mhemmx pjanijiet però ma tistax tgħid li ma jerġax jirritorna. Għal issa għad m'għandix ħsieb li jsir fuq it-televixin iżda qed naħseb fuq pjanijiet oħrajn.
Ftit ġimgħat ilu, l-bagalja tal-avukat Gawdenz kont ukoll tajtha lill-Arkivju Nazzjonali bħala tifkira ta' dan il-karattru.

5. X'għandna nistennew mingħandek fis-sena li ġejja?
Is-sena li ġejja ħa jerġa' jibda Ta' Gerit fuq TVM fejn qed ninterpreta l-parti ta' David u f'Jannar ħiereġ ukoll is-serje Il-President fejn qed ninterpreta l-parti ta' Peppi Azzopardi. Qed naħdmu wkoll fuq pjanijiet oħrajn fejn nistgħu nagħtu tbissima lit-telespettaturi.
6. Kemm tilgħab irwol integrali f'ħajtek il-familja minkejja l-impenji kollha tiegħek?
L-għajnuna tal-familja hija importanti. Fil-każ tiegħi, marti minn dejjem kienet tissapportjani f'xogħli. Tgħini wkoll niżviluppa ċerti karattri billi tigwidani u tagħtini xi pariri, u allura hija r-referenza tiegħi. Tant ieħor it-tfal. Ħafna mill-filming isiru filgħaxijiet u għalhekk bilfors li teħtieġ is-sapport tal-familja.

Nirringrazzjaw lil Fabian Scerri De Carlo tal-ħin tiegħu u nawgurawlu minn qalbna, lilu u lill-familja, sena ġdida mimlija hena u risq!
Ritratti: Fabian Scerri De Carlo