SPINESPLITTER STUDIO għadhom kif ħarġu b’sorpriża qawwija għas-segwaċi tal-mużika alternattiva – verżjoni metal tal-kanzunetta KANT, li issa ġiet uffiċjalment imsejħa Serving, u li hija r-rappreżentazzjoni ta’ Malta fil-Eurovision Song Contest ta’ din is-sena, interpretata minn Miriana.

Din il-verżjoni ġiet interpretata mill-vokalist tal-metal David Despasquale, li rnexxielu jagħti dimensjoni kompletament ġdida lill-kanzunetta. Bi stil aktar skur, intens u mimli enerġija, David jagħti lill-kanzunetta karattru ġdid – wieħed aktar brutali imma fl-istess ħin emozzjonanti.

Minn aspett kreattiv, naħseb li din il-verżjoni hija esperiment ta’ suċċess. Hija turi kemm kanzunetta tista’ titbiddel u tikber f’formati differenti mingħajr ma titlef l-identità tagħha. Il-vuċi ta’ David jagħmlu l-kliem aktar intens, filwaqt li l-produzzjoni ta’ SPINESPLITTER iżżid b’livell ta’ professjonalità u qawwa li diffiċli tinjora.

Il-verżjoni metal ta’ Serving mhux biss tappella lis-segwaċi tal-ġeneru, imma tiftħu wkoll għal udjenza ġdida li forsi ma tkunx segwiet il-kanzunetta oriġinali. Huwa eżempju ċar ta’ kif l-arti tista’ tinbidel u tkompli tispira, f’kull forma.

Kemm jekk int fan tal-Eurovision jew dilettant tal-metal – din il-verżjoni għandha x’tgħid. U għandha tinstema’.


Emil Calleja Bayliss