Lestu ruħkom biex tidħku, għax il-qażquża ċkejkna favorita ta' kulħadd daqt se tibda ssebbħilna l-iskrins tat-televiżjoni Malti!

Media Exclusive jinsabu ħerqanin biex jintroduċu sensiela ġdida mal-lista ta' programmi franchise li diġà joffru: is-sensiela animata għat-tfal ta' fama internazzjonali, Peppa Pig.

Din is-sensiela animata tant segwita u maħbuba mit-tfal tad-dinja kollha se tidħol għall-ewwel darba fid-djar tal-Maltin. Ninsabu ċerti li din se toffri daħk, tbissim, tagħlim u gost bla qies għall-udjenza ċkejkna tagħna. 

Peppa Pig bil-Malti 2

F'kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, is-sensiela ta' Peppa Pig se tkun qiegħda tiġi tradotta kompletament għall-Malti. Permezz ta' dan se nkunu qegħdin niżguraw li t-tfal Maltin jistgħu jgawdu esperjenza awdjoviżiva pjaċevoli filwaqt li jsiru dejjem iżjed midħla tal-lingwa Maltija.

Ben Camille, Ko-Fundatur u Direttur ta' Media Exclusive, esprima l-impenn personali lejn dan il-proġett minħabba li għandu għal qalbu t-tfal. Huwa saħaq fuq is-sinifikat tal-promozzjoni tal-ilsien Malti billi t-tfal jingħataw aċċess għal modi divertenti sabiex jitgħallmuh u b’hekk is-sensiela ta' Peppa Pig bil-Malti għandha l-għan li tagħmel dan.

Peppa Pig bil-Malti 2

Rachel Cachia, waħda mill-Produtturi Eżekuttivi u Direttriċi ta' Media Exclusive, semmiet li l-iskritt bħalissa qiegħed jiġi tradott mill-Ingliż għall-Malti. Hi emfasizzat il-ħtieġa li jintuża Malti tajjeb flimkien ma' terminoloġija moderna sabiex it-tfal ikunu jistgħu jifhmu l-lingwaġġ użat, waqt li jkunu esposti għal-lingwa mitkellma mill-adulti.

Norma Saliba, il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, qalet li t-tfal Maltin jinħtieġu iktar riżorsi awdjoviżivi bil-Malti sabiex ikunu jistgħu jifhmu, jitkellmu, jaqraw u jiktbu bil-Malti. Hi saħqet li bħala promotur ewlieni tal-Malti, iċ-Ċentru huwa kommess li joffri sostenn u appoġġ lil proġetti bħal Peppa Pig bil-Malti sabiex it-tfal jieħdu gost iktar jitgħallmu l-lingwa Maltija.

Peppa Pig bil-Malti 3

Hawn taħt tista’ ssib il-filmat tat-tnedija ta' Peppa Pig bil-Malti li saret fi Spazju Kreattiv, bis-sehem ta’ tfal mit-31st Mosta Girl Guides u Fgura Scout Group.  Fil-filmat issibu wkoll iktar dettalji dwar dan il-proġett.

Irreġistra minnufih HAWN biex tkun minn tal-ewwel li tirċievi iktar informazzjoni.


Gwida.mt