Il-Eurovision Song Contest qed joqrob hekk kif fit-18 ta’ Mejju jibda l-ewwel semifinali fejn ħa tikkompeti Destiny għal Malta bil-kanzunetta Je Me Casse. Bħalissa ħafna qed jitkellmu fuq il-favoriti tagħhom, partikolarment l-aktar 10 favoriti. Malta qed tissemma kważi kullimkien, anke ma’ ċelebri internazzjonali li anke ħadu sehem fil-Eurovision snin ilu!

Fil-fatt il-kantanta Awstraljana Dami Im poġġiet lil Malta fit-tieni post meta tkellmet fuq l-aktar 10 pajjiżi favoriti tagħha din is-sena. Dami tgħid li togħġobha l-attitudni ta' Destiny fid-diska, apparti l-vuċi mill-isbaħ u l-mużika. Kemm hi u kemm sieħba fil-filmat semmew il-possibiltà li Destiny terġa' trebbaħ lil Malta wara l-Junior Eurovision tal-2015.

L-aktar kanzunetta favorita għal Dami hi tal-Isvizzera, liema pajjiż li qiegħed jissielet magħna għall-ewwel post f'ħafna mid-djar tal-imħatri. Dami Im irrappreżentat lill-Awstralja fil-Eurovision tal-2016, u kkompetiet ma’ Ira Losco fil-finali. L-Awstralja dik is-sena kklassifikat fit-tieni post bil-kanzunetta Sound of Silence.


Kyle Zarb