Andrea Bocelli u Joseph Calleja llum il-ġurnata huma ħbieb kbar u ma setax jonqos li waqt iż-żjara tiegħu f'pajjiżna, Andrea ma jżurx lit-tenur Malti Joseph Calleja. Joseph qasam filmat fuq il-mezzi soċjali tiegħu li żgur ħa jħallikom titpaxxew bil-vuċijiet stupendi ta' dawn iż-żewġ tenuri mill-aqwa.

Spiċċaw ikantaw il-kanzunetta Perfect ta' Ed Sheeran, kanzunetta li Andrea Bocelli kanta mal-istess Ed Sheeran u l-verżjoni bil-laqta klassika kienet għamlet suċċess enormi madwar id-dinja. Dwar dak li ġara f'daru u r-rendizzjoni ta' Perfect, Calleja jgħid lil Gwida.mt: "kien mument improvvizzat, mument meraviljuż u memorabbli. Turi li ma tistax iżżomm żewġ tenuri kwieti għal żmien twil!"

Joseph qalilna wkoll li, "Bħala Ambaxxatur Kulturali Malti, jien ferħan li Andrea ġie Malta biex jiffilmja f'postijiet tassew straordinarji. Bħala ħabib, kien ta’ pjaċir li nilqgħu miegħi ġewwa dari u nitkellem dwar firxa ta’ suġġetti fosthom l-opra, il-kultura u kemm qed nimmissjaw milli nagħtu wirjiet lill-pubbliku maħbub tagħna."

Ma niddejqux naraw persuni bħala Andrea Bocelli f'pajjiżna speċjalment meta jispiċċa jżur lil wieħed minna u jispiċċaw ikantaw flimkien bla ħsieb!


Emil Calleja Bayliss