Glen Vella, ir-rebbieħ ta' Mużika Mużika bil-kanzunetta Ħarsa Biss għadu kif nieda l-filmat uffiċjali ta' din il-kanzunetta. Kanzunetta miktuba minn Joe Julian Farrugia, b'kompożizzjoni ta' Philip Vella.

Ftit tal-jiem ilu, ġie mħabbar li din il-kanzunetta kien ser ikollha l-vidjow mużikali tagħha u ftit tal-ħin ilu permezz tal-paġna ta’ Mużika Mużika, ħareġ dan il-vidjow mużikali. Il-vidjow mużikali, ġie miġbud fil-Forti Sant’Anġlu l-Birgu, b’teknika partikolari li jsejħula one-shot, li bħalha ma tantx rajna fi proġetti awdjoviżivi Maltin.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala saħqet li, “wara s-suċċess ta’ Mużika Mużika Festivals Malta mill-ewwel beda jipprepara għall-vidjow mużikali tal-kanzunetta rebbieħa [...] vidjow li huwa ta’ livell għoli ħafna, l-istess livell li kellu l-festival u li fih ħafna effetti speċjali.”

Id-Direttur Artistiku tal-vidjow Joseph Cauchi qal, “Indunajna li hija biċċa xogħol kumplessa, imma xejn ma qatalna qalbna, involvejna ħafna nies [...] u kulħadd [...] ried jaħdem f’daqqa għaliex dan il-vidjow sar f’shot waħda.”

“Il-vidjow mużikali huwa investiment li l-bord ta’ Mużika Mużika ħass li kellu jagħmel biex jagħti aċċent fuq il-kanzunetta rebbieħa u fuq il-festival inġenerali. Investiment li ‘l quddiem beħsiebna nibqgħu nagħmlu għall-kanzunetti rebbieħa,” qal iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika Raymond Bugeja.

Norman Hamilton, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta saħaq li permezz ta’ Mużika Mużika, Festivals Malta investa fl-artist lokali u kif ukoll fil-patrimonju mużikali Malti. “Permezz ta’ dal-vidjow mużikali Ħarsa Biss ser tkompli tgħix. Dan il-vidjow mużikali huwa parti mil-legat kbir li se jħalli warajħ dan il-festival prestiġjuż.”

X'kellu xi jgħid Glen dwar dan? B'eċitament hu stqarr, “Esperjenza tal-ġenn! [...] Il-quick changes li kelli waqt ix-shoot kienet xi ħaġa eċitanti mmens għaliex konna kontra l-ħin u ridt inbiddel vera malajr u nidher sabieħ ukoll.”

Prosit kbira lit-tim kollu li ħadem u rnexxielu joħroġ dan il-vidjow ferm sabiħ. X’taħsbu dwaru?

Youtube / Festivals Malta


Henzley  Bezzina