Lawrence Gray, hu l-mistieden li jmiss fuq Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida. Lil Lawrence kulħadd jafu bħala l-kantant lokali b'vuċi mill-isbaħ, il-kantant li tista' tgħid rebaħ kull festival li sar f'pajjiżna iżda ma rnexxilux jasal għall-Eurovision Song Contest. Fl-1999 u fl-2003 kien spiċċa fit-tieni post, u kull meta ħa sehem irnexxielu jispiċċa mal-ewwel għaxra.

Lawrence jitkellem dwar il-karriera tiegħu u l-isfidi li ltaqa' magħhom tul is-snin, inkluż il-bibien magħluqa li sab u għadu jsib sal-ġurnata tal-lum. Lawrence hu persuna spiritwali mmens u jemmen li għandu juża d-don li tah il-Mulej, iżda jekk ma jkollux fejn ikanta ma jkunx jista' jagħmel dan. Hu jemmen li don bħal dan titwieled bih.

Lawrence joħodna lura fi tfulitu wkoll fejn jitkellem dwar l-isfidi ta' saħħtu, sfidi li ma kienux faċli xejn għall-familja tiegħu. Tliet operazzjoni f'ħajtu fejn l-aħħar waħda kienet ta' 16-il sena. Hu jistqarr ma kellux biża' b'din l-operazzjoni għax kien jemmen li kollox se jmur sew.

Il-podcast ħa jkun wieħed li ħa nsiru nafu aktar lil Lawrence mill-viċin. Ingħaqdu magħna biex isegwu l-episodju li jmiss ta' Kellymni - Il-Podcast ta' Gwida.mt bi preżentazzjoni ta' Melanie Kelly, għada it-Tnejn 17 ta' Ġunju, mit-20:00 'l quddiem.


Emil Calleja Bayliss