Festivals Malta fl-okkażjoni tal-ħames snin anniversarju qed jiċċelebra s-suċċessi li kisbu minn tant avvenimenti, opportunitajiet u produzzjonijiet ta' kalibru għoli li ħejjew f'pajjiżna. Matul is-snin kienu responsabbli ta' 11-il festival u 5 festi nazzjonali, fejn tellgħu sa 260 avveniment kull sena.
Il-Ministru Owen Bonnici stqarr dwar ir-rispett li dejjem irċeviet l-aġenzija matul dawn is-snin. “Festivals Malta rnexxielu jikseb ir-rispett ta’ eluf ta’ artisti lokali u internazzjonali u sar sinonimu mal-produzzjoni ta’ festivals u avvenimenti tal-ogħla kalibru f’Malta, b’legat li jissupera kull aspettattiva."
Jappella biex inkomplu ninvestu fil-kultura tagħna, waqt li jingħata sostenn lis-setturi kreattivi u kulturali, b'aktar opportunitajiet li jħallu frott lit-talent lokali.
Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra semma t-tema Celebrating the Past, Creating the Future fejn qed jiġu ċċelebrati dawn il-ħames snin bit-tajjeb u l-ħażin kollu.

"Il-pandemija ppreżentatilna ħafna ostakli u minħabba f’hekk ma stajniex nagħmlu dak li kien pjanat, u ma stajniex nipproduċu avvenimenti tal-massa għal raġunijiet ovvji."
Zahra jkompli, "Madankollu, xorta waħda ħassejna l-ħtieġa li nkunu ta’ servizz għall-poplu, u t-tim ħabrieki tagħna baqa’ għaddej b’ideat innovattivi u proġetti ġodda. Illum, niċċelebraw il-passat tagħna bl-ikbar kburija, u b’ottimiżmu qawwi nħarsu ’l quddiem lejn il-futur li se noħolqu flimkien.”
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Annabelle Stivala tispjega t-tir li jorganizzaw avvenimenti li jissodisfar tliet pilastri importanti, is-sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-udjenza, u l-kollaborazzjoni.

“Dawn il-ħames snin ħaduna fuq vjaġġ straordinarju fejn stabbilixejna ruħna bħala l-esponent ewlieni tal-festivals lokali. Festivals Malta wera xi jsarraf u x’inhuma l-kapaċitajiet tiegħu. Illum għandna stampa ċara ħafna ta’ fejn nixtiequ nkunu fi żmien ħames snin, u diġà bdejna naħdmu biex nilħqu l-għanijiet li identifikajna fl-istrateġija tagħna."
Hi tkompli, "Fid-dawl tal-klima soċjoekonomika attwali, aħna nħossu li s-sostenibbiltà, l-iżvilupp tal-udjenza, u l-kollaborazzjoni huma l-oqsma ewlenin li għandna niffukaw fuqhom f’dan il-waqt."

Festivals Malta ħabbar ukoll il-kalendarju kulturali tiegħu għas-sena 2023, b’enfasi fuq iż-żieda ta’ festival ġdid f’Novembru, The Early Opera and Music Festival. Din id-deċiżjoni ġiet wara r-rispons pożittiv li Festivals Malta rċieva wara li introduċa dan il-ġeneru waqt The Three Palaces Festival ix-xahar li għadda.
Fl-2023 Festivals Malta se jagħti bidu lill-kalendarju tiegħu bil-Valletta Baroque Festival f’Jannar, il-Karnival ta’ Malta fi Frar, Mużika Mużika f’Marzu, Ritmu u l-Malta International Arts Festival f’Ġunju, il-Malta Jazz Festival u d-Dance Festival Malta f’Lulju, Notte Bianca f’ Ottubru, u The Three Palaces Festival u The Early Opera and Music Festival f’Novembru.
Apparti minn hekk hemm ukoll 5 avvenimenti nazzjonali li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ din l-aġenzija u l-fond ta’ Rock ‘N Malta, li permezz tiegħu Festivals Malta jappoġġja l-komunità tar-rock f’Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar l-avvenimenti ta’ Festivals Malta, żur is-sit HAWN