Id-9 ta' Marzu ta' din is-sena immarka s-60 anniversarju mid-debutt ta' Barbie, l-aktar pupa popolari fid-dinja. Il-pupa li tirrappreżenta t-tfulija ta' ħafna, u iva, anki forsi l-ewwel ispirazzjoni għal ċkejkin li jkunu għadhom jibdew jiskopru diversi suġġetti u aspetti tal-ħajja. Barbie hija pupa tal-moda manifatturata mill-kumpanija Amerikana tal-ġugarelli Mattel, Inc. u tnediet f'Marzu tal-1959.

Inħolqot minn negozjanta Amerikana Ruth Handler permezz tal-ispirazzjoni tagħha mill-pupa Ġermaniża bl-isem ta' Bild Lili. Dan kollu beda waqt li meta Handler kienet tara lit-tifla tagħha tilgħab bil-pupi tal-karti kienet tinnota li ħafna drabi kienet tieħu gost tagħtihom ir-rwoli ta' adulti.

View this post on Instagram

A post shared by Barbie (@barbie) on

Waqt vjaġġ lejn l-Ewropa fl-1956 bit-tfal tagħha Barbara u Kenneth, Ruth Handler skopriet pupa Ġermaniża bl-isem ta' Bild Lili. Il-pupa b'dehra ta' adulta kienet eżattament dak li kellha f'moħħha Handler u għalhekk xtrat tlieta minnhom. Waħda minnhom tatha lit-tifla tagħha filwaqt li t-tnejn l-oħrajn ħadithom lil Mattel.

Mal-wasla tagħha fl-Istati Uniti Handler iddisinjat il-pupa mill-ġdid, bl-għajnuna tal-inġinier Jack Ryan. Il-pupa ngħatat l-isem ta’ Barbie li ġie mill-isem tat-tifla ta' Handler, Barbara. Id-debutt tal-pupa seħħ proprju fil-fiera tal-ġugarelli internazzjonali Amerikana fi New York, fid-9 ta' Marzu, 1959. Fil-fatt din id-data tintuża bħala għeluq is-sena uffiċjali ta' Barbie.

View this post on Instagram

A post shared by Mattel (@mattel) on

Din il-pupa hija l-figura ta' marka ta' pupi u aċċessorji Mattel, inklużi membri oħra tal-familja u pupi li jistgħu jinġabru bħala kollezzjoni. L-ewwel pupa ta' Barbie kienet liebsa malja bi strixxi taż-żebra bojod u suwed u b'topknot ponytail u kienet disponibbli bħala bjonda jew brunette. Kienet ikkummerċjalizzata bħala mudell tal-moda tal-addoloxxenza, bil-ħwejjeġ tagħha maħluqa mid-disinjatriċi tal-moda ta' Mattel, Charlotte Johnson.

L-ewwel pupi ta' Barbie kienu magħmula fil-Ġappun bil-ħwejjeġ tagħhom meħjuta bl-idejn minn homeworkers Ġappuniżi. Matul l-ewwel sena tal-produzzjoni nbiegħu madwar 350,000 pupa ta' Barbie.

View this post on Instagram

A post shared by Barbie (@barbie) on

Il-kumpanija Mattel biegħet aktar minn biljun pupa ta' Barbie madwar id-dinja f'aktar minn 150 pajjiż u b'hekk saret l-akbar u l-aktar linja ta’ profitti tal-kumpanija. Saħansitra l-kumpanija stqarret li kienu jinbiegħu tliet pupi kull sekonda. Madanakollu l-bejgħ naqas sew mill-2014.

Ir-relazzjoni romantika ta' Barbie ma' Ken hi magħrufa sew. Ken Carson deher għall-ewwel darba fl-1961. Inħolqu wkoll diversi pupi ħbieb ta' Barbie kif ukoll kuġini, pets u firxa kbira ta' vetturi.

View this post on Instagram

A post shared by Barbie (@barbie) on

Barbie kellha wkoll impatt sinifikanti fuq il-valuri soċjali billi ġabet karatteristiċi tal-indipendenza tan-nisa. Madanakollu Barbie tqanqal ukoll kritika qawwija u kontroversjali. Il-kritika ħafna drabi tkun iċċentrata fuq tħassib li t-tfal iqisu lil Barbie bħala role model u jippruvaw jimitawha.

Żgur li ħafna minnkom tiftakru l-kanzunetta Barbie Girl li kienet tant popolari partikolarment fis-snin 90. Barbie Girl hija kanzuntta mill-grupp Daniż-Noveġiż taż-żfin pop Aqua. Tnediet f'Mejju tal-1997 bħala t-tielet single tad-debutt tal-istudio album tal-grupp, Aquarium. Din il-kanzunetta laħqet il-quċċata tal-klassifiki mad-dinja kollha, partikolarment f'pajjiżi Ewropej bħar-Renju Unit.  

Addattament ta' film live action ta' Barbie mistenni joħroġ f'Mejju fl-2020. Oriġinarjament Mattel issieħbu ma' Sony għal dan il-proġett fejn il-parti prinċipali kienet tinterpretaha Amy Schumer, iżda minħabba kwistjonijiet ta' skedar iddeċidiet li titlaq. Dan il-film minflok issa jinsab f'idejn Warner Bros Pictures u l-parti prinċipali ta' Barbie se tiġi interpretata mill-attriċi nominata fl-Academy Awards Margot Robbie.

Filwaqt li Barbie kienet is-suġġett ta' bosta films, qatt ma kien hemm verżjoni live action tal-pupa qabel. Se jkun ukoll l-ewwel film li se joħroġ mill-fergħa ta' Mattel Films li għadha kif twaqqfet. L-attriċi Awstraljana Margot Robbie tgħid li tħossha onorata li se tkun qed tinterpreta dan ir-rwol u temmen li dan il-film se jħalli mpatt pożittiv ħafna fuq it-tfal u udjenzi madwar id-dinja.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @barbie


Roberta Magri