Għoxrin mill-aqwa kantanti f'pajjiżna, flimkien ma' Spiteri Lucas Band taħt id-direzzjoni ta' Mark Spiteri Lucas, se jingħaqdu biex joffru t-talenti tagħhom favur ir-Riċerka dwar il-Kanċer fl-Università ta' Malta.
Kurt Calleja, Laura Bruno, Debbie Scerri, Eleonor Cassar, Lawrence Gray, KAREI, Dario Bezzina, Mary Rose Mallia, Michela Galea, Nicole Vella, Cherylis Camilleri, Georg Zammit, Ismhael Grech, Ivan Spiteri Lucas, Jason Scerri, Krista Spiteri Lucas, Marie Claire Cappello, Martina Fenech u Victorio Gauci kollha se jkunu qed jippreżentaw spettaklu b'diversi kanzunetti pop.
Se jkun hemm ukoll dehra speċjali minn Claudette Buttigieg li naturalment se tkanta l-kanzunetta ikonika tagħha mill-Eurovision Song Contest tas-sena 2000 Desire. Harmony of Hope 2 hija kollaborazzjoni bejn RIDT, id-dipartiment tar-Riċerka, Innovazzjoni u l-Fondi għall-Iżvilupp, fl-Università ta' Malta u l-Bank APS. Il-kunċert se jsir ġewwa s-Sala Sir Temi Zammit, l-Università ta' Malta, l-Imsida, nhar il-Ġimgħa 8 ta' Novembru 2024, fis-19:30.
Dan il-kunċert huwa msejjes fuq is-suċċess tal-ewwel edizzjoni ta' Harmony of Hope, li sar f'Novembru tal-2023. Il-kunċert mhux biss jgħin biex jinġabru fondi iżda jkabbar l-għarfien dwar ir-Riċerka dwar il-Kanċer li għaddejja fl-Università ta' Malta. Dan il-qasam ta' riċerka qed jikber fil-portafoll ta’ riċerka tal-Università u qed jattira appoġġ kontinwu mingħand NGOs, kumpaniji korporattivi, istituzzjonijiet pubbliċi u individwi.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ biex jappoġġja din l-inizjattiva li qed issir f’post aċċessibbli faċilment, fejn il-parkeġġ mhuwiex problema. Dan il-kunċert huwa wkoll appoġġjat minn Every Day, Cancer Hub Malta, Showshappening.com, l-Università ta' Malta, Gordon Borg Urso u l-Banda Spiteri Lucas. Ibbukkjaw il-biljetti tagħkom minn fuq showshappening.com.