Is-sindki, viċi sindki u l-kunsilliera ta’ Malta u Għawdex se jaraw żieda ta’ €1000 fl-allowances allokati għalihom. Dan tħabbar waqt żjara li l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, u s-Segretarju għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli għamlu fl-uffiċini tar-Reġjun Tramuntana wara xogħol ta’ rinnovar li sar. Fil-fatt, permezz tax-xogħlijiet f’dawn l-uffiċini, l-binja saret waħda aktar aċċessibbli u anke akkoljenti għar- residenti ta’ dan ir-reġjun.

Preżenti għal din iż-żjara kien hemm ukoll id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, u l-President tar-Reġjun Tramuntana, Clifford Galea. Iż-żieda fl-allowances lis-Sindki, Viċi Sindki u l-Kunsilliera se tingħata biex tagħmel tajjeb għall-ispejjeż marbuta mal-qadi ta’ dmirijiethom. Minbarra l-allowance, is-sindki u l-presidenti tal-kunsilli reġjonali jitħallsu wkoll onorarja li tvarja skont id-daqs tal-kunsill.

Il-Ministru Owen Bonnici qal, “Din iż-żieda fl-allowances hija rikonoxximent konkret tax-xogħol li jagħmlu s- sindki, viċi sindki u l-kunsilliera tagħna f’Malta u Għawdex. Huma jagħtu ħafna mill-ħin u l-enerġija tagħhom biex jaqdu l-komunitajiet tagħhom, f’ħafna drabi, b’dedikazzjoni. Din il-miżura mhux biss tagħraf l-isforzi tagħhom iżda wkoll tappoġġjahom biex ikomplu jagħtu servizz aħjar lir-residenti. Investiment fil-gvern lokali jfisser investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.” 

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari, Alison Zerafa Civelli spjegat kif permezz ta’ din iż-żieda, is-sindki, viċi sindki u l-kunsilliera se jkunu qed jirċievu madwar €1,000 oħra fis-sena. “Dan qed nagħmluh għaliex nemmnu li dawk eletti qed jagħtu servizz siewi, filwaqt li qed jiddedikaw ħafna minn ħinhom għal-lokalità u l-komunità li huma ġejjin minnha. Ilkoll nafu li x-xogħol, kemm tas-Sindki kif ukoll tal-Kunsilliera, jmur lil hinn mill-ħin tal-laqgħat biss, u għalhekk din iż-żieda hi apprezzament għas-Sindki u l- Kunsilliera kollha,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Dwar ir-rinnovar li sar fl-uffiċini tal-Kunsill Reġjonali tat-Tramuntana, is-segretarju parlamentari rrimarkat li dan hu xhieda ta’ kemm il-kunsilli reġjonali qed jieħdu rwol aktar ċentrali fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna, filwaqt li qed ikunu ta’ spalla għall-kunsilli lokali li jiffurmaw ir-reġjuni rispettivi. Il-President tal-Kunsill Reġjonali Tramuntana Clifford Galea elenka l-ħidma tar-Reġjun Tramuntana, fejn apparti li jagħtu appoġġ lill-kunsilli fi ħdan ir-reġjun, jaħsbu wkoll fl-aspetti soċjali, ambjentali u anke dawk kulturali fil-ħidma tagħhom.

Intant, id-Direttur Ġenerali tal-Gvern Lokali, Emil Vassallo, qal ukoll kif id-Diviżjoni għall-Gvern Lokali se tkun qed talloka fondi addizzjonali biex ikopru l-ħlasijiet tal-arretrati tas-sena 2024 b’riżultat tal-ftehim kollettiv il- ġdid għall-ħaddiema klerikali ffirmat fil-bidu ta’ din is-sena.


Gwida.mt