Ilbieraħ fuq it-televiżjoni lokali kompla The Masked Singer Malta u l-personalitajiet tawna numru ta' ħjiel dwar min jistgħu jkunu! Hemm diversi ismijiet li donnhom intom mid-djar tagħkom kapaċi wasaltu viċin ta' min seta' huma iżda bil-kontra tal-ġimgħa l-oħra hemm karattri li donnu ħafna qed isibuha diffiċli jaqgħtu min hemm wara l-maskra!

S'issa skoprejna biss li l-personalità wara l-maskra tal-linja ma kien ħadd ħlief Xandru Grech. Ħadd ma wassal għall-konklużjoni t-tajba u donnu l-ħjiel li semgħu aktar ħawduhom għax marru għall-ismijiet differenti.

Il-Ħalib

Min jgħid li Janvil u min jgħid li Ozzy Lino. Il-fatt li Kardinal għenu jista' jagħti l-każ li verament huwa Janvil għax kienet il-kanzunetta You li introduċietu fix-xena u din kellha kompożizzjoni ta' ħadd ħlief Augusto Cardinale.

Iżda l-ħjiel l-oħra gerrfxu ftit lis-segwaċi li qed jaraw il-programm. Li nafu żgur li donnu wara l-kostum tal-ħalib hemm xi ħadd li kapaċi jkanta. Tgħid xi ħadd mid-detectives kellu raġun jew inkella hu vera Janvil u ħadd ma rnexxielu jaqta'?

Il-Bajtra

Kantanta li għadha żagħżugħa milli jidher u tħobb diversi affarijiet. Kantanta li b'xi mod jew ieħor għandha konnessjoni man-numru 11. Ħafna qed jispekulaw li tista' tkun Gaia Cauchi minħabba li għandha silta 11:11 u anke kantat fil-11-il post meta rebħet il-Junior Eurovision Song Contest.

Iżda ftit kien hemm qbil dwar dan l-isem. Kien hemm min semma lil Lisa Gauci, lil Stephanie Chircop, lil Taryn... insomma anqas id-detectives ma' kellhom l-istess opinjoni. Tgħid min għandu raġun?

Il-Kavallier

Il-karattru li ħawwad l-imħuħ ta' kulħadd! Id-detectives taw erba' ismijiet differenti u n-nies fuq il-mezzi soċjali wkoll ma jistgħux jaqblu. L-iktar isem li beda jissemma kien dak ta' Clintess iżda oħrajn jemmnu li l-ħjiel mhux relatati magħha.

Ħafna kienu qed jistennew vuċi ta' raġel u kienu sorpriżi kif semgħu mara tkanta. Jista' jkun li l-kavallier huwa l-ikbar misteru li ltqajna miegħu s'issa fuq The Masked Singer Malta. Int għandek ħjiel ta' min hemm wara l-maskra?

Garbage Monster

Vuċi partikolari li ħafna jemmnu li qatgħu min hemm wara dan il-kostum iżda qed jissemmew żewġ ismijiet u ħafna konvinti li tagħhom it-tajjeb. Iż-żewġ ismijiet huma ta' Gianni u ta' Klisnmann. Ħadd mid-detectives ma semmiehom u allura n-nies wasslu għall-konklużjonijiet tagħhom.

Fi ħjiel ieħor, issemmiet il-frażi She Gives Me Wings, li hi kanzunetta sinonima mal-kantant lokali Klinsmann. Kanzunetta li biha kien għamel id-debutt fil-Malta Song For Europe tal-2006. Tgħid jista' jkun hu wara l-masrka?

Il-Lampuka

Fuq il-mezzi soċjali ħafna jemmnu li l-vuċi wara l-lampuka hi ta' Justin Haber iżda oħrajn qed isemmu lill-kantant Fabrizio Faniello. Ir-raġuni hija li t-tnejn li huma kellhom il-futbol għal qalbhom u t-tnejn kienu jieħdu ħsieb stabbiliment.

Il-fatt li Justin kellu karriera twila fil-futbol u kien sid ta' restorant f'Marsaxlokk, donnu l-għażla tan-nies waqgħet fuqhom. Ovvjament, il-lampuka hija sinonima ma' Marsaxlokk u jista' jkun li l-kostum stess huwa ta' ħjiel għall-personalita li libsitu.

Tgħid min għandu raġun? Id-detectives tal-programm jew inkella n-nies fuq il-mezzi soċjali li qed jipprovaw jaraw jirnexxielhom jaqtgħu minn hemm jieħu sehem?


Emil Calleja Bayliss