Għall-ewwel tas-sena tkellimna ma' koppja li rajnieha f'diversi produzzjonijiet televiżivi,u huma żewġ atturi li kellhom l-opportunità li jaraw lil binhom jaħdem parti meta kien għadu tarbija! Araw x'sirna nafu dwar Clayton u Lenies!

Għandkom xi riżoluzzjonijiet għas-sena 2022? Jekk iva liema huma?

Lenies: Li nagħmel ftit dieta forsi tidħolli l-libsa tat tieġ! 

Clayton: Ma tantx nemmen bihom ir-riżoluzzjonijiet jien... però darba f'xahar nipprova dejjem nevalwa ftit ħajti u nara x'nista' nirranġa.

X’kienet l-aktar ħaġa interessanti/ speċjali li ġratilkhom fl-2021?

Lenies: Li t-tifel tiegħi beda jimxi u jitkellem. M'ilux kien għand in-nanna, ċempilli u qalli 'Ħobbok Mummy' ... għalija dik kienet waħda mill-highlights tas-sena.

Clayton: Li jien, Lenies u Noah ġejna noqogħdu flimkien. Kienet xi ħaġa li bidlitilna ħajjitna.

Hemm xi ħaġa li tinsabu ħerqana biex tagħmlu fis-sena li ġejja (li forsi għadkom m’għamiltux fl-2021 jew fil-passat)?

Lenies: Li fl-aħħar ser niżżewwgu f'April li ġej.

Clayton: Bla dubju t-tieġ. Ninsab ħerqan ħafna li tasal dik il-ġurnata li jien u Lenies inkunu fuq l-artal u ngħidu iva lil xulxin.

Is-sena 2021 ma kienet faċli għal ħadd. Kif tiddeskriviha?

Lenies:  Kienet sfida kontinwa però meta nħares lura, nara li qed napprezza ħafna aktar dak li għandna.

Clayton: Faċli le, lanqas xejn. Jien xogħli hu d-drama u s-settur tagħna ħa daqqa kbira l'isfel ħabba l-pandemija. Però kienet ukoll ta' opportunità li ngawdi aktar lil familti. Bħal ma jgħidu, dejjem għandek tieħu li tista' minn kull sitwazzjoni.

X’tgħallimt mis-sena 2021?

Lenies: Li għandek tgħix ġurnata b'ġurnata. Ħafna drabi tispiċċa tippjana mod u jiġri ieħor.

Clayton:  Tgħallimt aktar x'iġifieri tkun missier. Noah qed jikber u l-komunikazzjoni żdiedet. L-irwol tiegħi bħala missier ma nibdlu ma' xejn. Hu l-aktar fattur f'ħajti li jagħmilni kburi u kuntent.

L-affarijiet sbieħ li tibqa’ ssemmi mill-2021.

Lenies: Li mxejna ngħixu flimkien ġod-dar tagħna u li qed nara lil ibni jikber.

Clayton: Hemm ħafna. Fil-qasam tad-drama rnexxieli nipproduċi films qosra għat-televiżjoni, l-iskola Mixta Drama laħqet l-akbar ammont ta' studenti li qatt kellna, kif ukoll komplejt naħdem bħala attur ma' diversi kumpaniji. Fejn tidħol familja jkolli nerġa' nirrepeti, li mxejna ngħixu flimkien kif ukoll il-vjaġġ ma' ibni Noah. 

Kieku kellkom tagħżlu motto għas-sena l-ġdida, xi jkun?

Lenies: Tagħmilx affarijiet prezzjużi fejn jista' jilħaqhom Noah!

Clayton: Kompli tgħallem minn kull sitwazzjoni.

Hemm xi messaġġ/appell partikolari li tixtiequ tgħaddu lit-telespettaturi u segwaċi tagħkhom?

Lenies: Grazzi kbira tas-sapport li ttuna kontinwament. Jalla jkollkom sena mimlija ferħ, hena u paċi.

Clayton: Nixtieq ngħid grazzi kbira lis-segwaċi. Mingħajr is-sapport tagħkom ix-xogħol tagħna mhu xejn. Min-naħa l-oħra, dejjem inħobb intemm intervista billi ngħid li kulħadd għandu jkun l-eroj tiegħu nnifsu. Kulħadd hu tajjeb f'affarijiet differenti. Apprezza lilek innifsek. Jalla jkollkom sena mimlija b'dak kollu li tixtiequ intom.


Kyle Zarb