Minkejja li minn dejjem kienet persuna li ma ssibhiex diffiċli biex tesprimi ruħha, Tamara tistqarr li l-midja soċjali għenitha biex ma tibża’ qatt tgħid dak li verament tħoss. L-għan tagħha hu li dak kollu li taqsam fuq il-midja soċjali jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja ta' min isegwiha filwaqt li tisħaq li Instagram hu mezz ideali biex jgħinha tagħmel dan b'mod aktar dirett biex tilħaq lis-segwaċi tagħha, jew kif issejħilhom hi, il-Queens

Tamara, nistgħu ngħidu li int waħda mill-aktar bloggers popolari fuq il-midja soċjali, partikolarment fuq Instagram. Kif iddeċidejt li tibda dan il-vjaġġ?

Il-vjaġġ beda mingħajr ma kont naf li se jibda! Jien minn dejjem kont tfajla li ma niddejjaq xejn nesprimi dak li nħoss. Minn dejjem kont nieħu pjaċir naqsam l-esperjenzi tiegħi li ngħaddi minnhom fil-ħajja.. Darba minnhom ħarġu funzjoni ġdida li hi dik tal-istories, fejn inti tista’ titkellem jew tieħu vidjow u dawk li jkunu jsegwuk, li fuq Instagram jissejħu speċifikament bħala followers, ikunu jistgħu jaraw dak il-vidjow għal 24 siegħa. Għaraft il-fatt li b'xi mod jew ieħor bdejt nagħmlilhom kuraġġ kemm jekk fuq dieta, moda jew anki sempliċiment ngħid żewġ kelmiet ‘Bonġu Queen!’. Għaliex mill-bidu nett jien bdejt nindirizza lill- followers tiegħi bħala Queens

Għaliex aktartippreferi tuża l-Instagram bħala pjattaforma biex twassal il-messaġġi tiegħek?

Narah iktar xi ħaġa diretta u sempliċi. Ninnota li fuq Instagram wieħed għandu iktar ċans isegwi lil dawk li jispirawh milli fuq Facebook. Illum il-ġurnata fuq Facebook sar ikun hemm ħafna fuq kollox, li ħafna drabi jkun verament rari li titla’ xi ħaġa fin-news feed li vera tkun tinterassak. Instagram iktar dirett u għal xi raġuni nħossni ħafna iktar komda biex nesprimi ruħi.

View this post on Instagram

A post shared by TAMARA WEBB 💫 (@tamarawebb_) on

Il-posts tiegħek ivarjaw fuq diversi kwistjonijiet relatati partikolarment mas-saħħa u s-sbuħija tan-nisa, inklużi dawk aktar sensittivi. X'jagħmlek konvinta biżżejjed dwar dak li tagħżel li taqsam mas-segwaċi tiegħek?

Minbarra s-settur tal-moda u s-sbuħija li dejjem inħobb naqsam id-dehriet tiegħi inħobb ukoll naqsam xi ideat mas-segwaċi tiegħi. Ir-rispons, il-messaġġi li nirċievi u n-nisa kollha li niltaqa' magħhom ta’ kuljum, juruni li b'dak li naqsam, b'xi mod jew ieħor, jirnexxili nagħmel ġid mill-inqas lill-persuna waħda żgur. Kollha kemm aħna ngħaddu minn ċerti mumenti fil-ħajja, kemm sbieħ u kemm koroh. L-ikrah naqsmu wkoll, biex dawk kollha li ma jsibux il-kuraġġ biex jitkellmu ma' dawk ta' madwarhom fuq dak li jkunu għaddejjin minnu, ikunu jafu li m’humiex waħedhom. Naqsam dak kollu li naħseb li jista’ jservi ta' ġid u ispirazzjoni għal min isegwini. Nista’ ngħid ukoll li din ma tiġix min-naħa waħda biss għax ħafna drabi l-istess nies li jħossu li qed nagħmlilhom differenza jkunu qed jagħtu kuraġġ lili fl-istess ħin.

Kemm għandek segwaċi fuq il-midja soċjali bħalissa?

Bħalissa hemm madwar 34,000k li jsegwuni u nħossni grata lejhom kollha.

Kif tħossok dwar il-fatt li dak li tagħmel u tgħid jista' jinfluwenza lill-eluf ta' segwaċi, inklużi tfajliet ta' età żgħira?

Ovvjament inħoss ċerta responsabbiltà għaliex iż-żgħażagħ jinfluenzaw ruħhom malajr ħafna. Nipprova li nitkellem fuq ċerti suġġetti għaliex jien kont daqshom u naf eżatt minn xiex jistgħu jkunu għaddejjin. Bullying, eating disorders u stress. Però fl-istess ħin, naqsam dak li verament inħoss u naċċetta wkoll li ma jkunx utli għal kulħadd u li mhux kulħadd għandu jaqbel miegħi.

View this post on Instagram

A post shared by TAMARA WEBB 💫 (@tamarawebb_) on

Sfortunatament fuq il-midja soċjali huma ħafna li jagħżlu li juru stampa ferm differenti mir-realtà li wara kull persuna tgħaddi minnha. Kemm hu importanti li tkun reali, anki fuq il-midja soċjali?

Għalija personalment li nkun reali hija xi ħaġa importani ħafna. Madankollu nifhem li mhux kull min għandu paġna jew blog fuq il-midja soċjali jkun jixtieq li jaqsam ħajtu ma' kulħadd. Kull persuna għandha l-opinjoni tagħha u l-għan tagħha. L-iktar ħaġa importanti hi li kull min iqatta' ħafna ħin fuq il-midja soċjali jsegwu nies li jagħmlulhom tbissima fuq wiċċhom u mhux iġegħluhom iħossuhom agħar. Fl-aħħar mill-aħħar, l-għażla ta' x'insegwu u ma nsegwux hija kompletament f'idejna.

Tħoss li l-midja soċjali għenitek tevolvi l-personalità tiegħek?

Iva. Tatni ċerta kunfidenza biex ma nibżax ngħid dak li nħoss. Kif għidt iktar 'il fuq, jien nemmen li flimkien inkunu ħafna aħjar, għaliex kull persuna għandha x'toffri u tista' tagħmel differenza. M'hawnx emozzjoni isbaħ minn dik ta' għaqda.

Fl-istrina 2018 ħloqt l-esperiment tal-Queens For l-Istrina, li kien suċċess kbir għaliex irnexxilek tiġbor madwar €9,000. Kif ħadmet eżatt din l-inizjattiva? Kont timmaġina li se tikseb daqstant suċċess?

Oriġinarjament, l-idea ħriġt biha ma' missieri għax bi kliemu stess qalli “jekk imqar 1,000 minnhom jagħtuk ewro kull wieħed, tkun ġbart €1,000.” Dak proprjament kien l-għan tiegħi. Ir-raġel tiegħi IT engineer u mill-ewwel ħa l-proġett f'idejh. Fetaħli kont online fejn faċilment persuna setgħet tagħti mill-inqas donazzjoni ta' ewro. Bi pjaċir kbir nista' ngħid li l-€1,000 ġbarniehom fi tliet sigħat, filwaqt li f'jumejn, Queens għall-Istrina, l-isem ta' dan il-proġett, ġbarna €9,000. Verament irrealizzajt kemm għandi nies tal-ġenn isegwuni.

View this post on Instagram

A post shared by TAMARA WEBB 💫 (@tamarawebb_) on

Bla dubju ta' xejn, il-midja soċjali hi parti kbira minn ħajtek. Iżda x'tagħmel aktar fil-ħajja Tamara Webb?

Minbarra l-kontenut tal-midja soċjali tiegħi li jieħu ħafna dedikazjoni u ħin, jien għandi l-kumpanija tiegħi u r-rwol tiegħi hu dak ta' Content Director. Nagħti servizz ta' marketing, fotografija kif ukol brainstorming ta' kif kumpanija tista' timxi iktar 'il quddiem. Fl-2016 ġejt bil-kunċett ta' JAR fejn wara ftit xhur ftaħnieh bħala negozju tal-familja. Illum qiegħdin ukoll naħsbu biex niftħu t-tielet ħanut. Apparti minn hekk, ma nistax ma nsemmix li jien mara miżżewġa, ili kważi tliet snin issa. Żgur li m'għandix għalfejn nispjega xi jfisser ix-xogħol tad-dar u kemm jirrikjedi ħin.

Bħala mara miżżewġa kif jirnexxilek issib bilanċ bejn l-impenji kollha tiegħek u l-ħajja miżżewġa?

Dan wieħed mis-suġġetti li nħobb inqajjem diskussjoni dwarhom fuq il-midja soċjali. Il-bilanċ u kif ngħid jien #BALANCE. Il-bilanċ b'xi mod jew ieħor irid jinstab f'kollox. Fix-xogħol, fil-ħruġ, fl-ikel u f'dak kollu li nagħmlu f'ħajjitna. Kollox irid ikun, speċjalment il-ħin mal-maħbubin tagħna, ħbieb u familja. Din hija fundamentali.

View this post on Instagram

A post shared by TAMARA WEBB 💫 (@tamarawebb_) on

Hemm xi pjani ġodda f'moħħok?

Pjani kemm trid però m'iniex se nikxef xejn għalissa. Segwuni u kunu parti minnhom. Inzommkom aġġornati.

X'inhi l-akbar ħolma tiegħek?

Li fil-futur insir omm. Il-bqija ma tantx noħlom fuq affarijiet speċifiċi. Li nkun irrid jew nixtieq, naħdem għalih kemm niflaħ biex nipprova nwettqu.

Dan l-artiklu deher għall-ewwel darba fir-rivista l-Gwida li toħroġ kull ġimgħa u ssibuha għall-bejgħ mill-ħwienet ewlenin.

Instagram / @tamarawebb_


Roberta Magri