L-Isptar San Luqa f’Bujuni, l-Uganda mhux darba u tnejn kien megħjun minn Missio Malta. Fosthom is-sena l-oħra, fejn bil-fondi miġbura mill-maratona, inxtrat ambulanza lil dan l-isptar sabiex persuni li jridu attenzjoni medika immedjata jaslu l-isptar f’temp qasir ħafna, speċjlament ommijiet li waslu biex ikollhom tarbija.

Sor Marija Goretti hija responsabbli fit-tmexxija ta’ dan l-isptar li minbarra s-servizzi ta’ in-patients u out-patients, joffri diversi programmi għall-komunità, fosthom tilqim għat-trabi u tfal żgħar. Sor Marija, għaddiet ukoll minn problemi ta’ saħħa wara li kellha tiċievi trattament tal-kimoterapija, imma għall-grazzja t’Alla għadha għaddejja bil-ħidma tagħha bla waqfien.

Pazjenta partikolari f’dan l-isptar, hija ċ-ċkejkna Evelyn, li għad għandha biss 24 ġurnata. Sfortunatament it-tarbija tilfet lil ommha waqt it-twelid u minkejja li hija b’saħħitha qed tinżamm l-isptar sakemm jinsab min jista’ jrabbiha. Sfortuna akbar huwa l-fatt li, li kieku fl-isptar kien hemm sala tal-operazzjonijiet, l-omm kienet issalva. Il-ħolma ta’ Sor Marija hija li fl-isptar ikun hemm sala tal-operazzjonijiet sabiex aktar ommijiet u trabi jsalvaw minn ħalq il-mewt.

Grazzi li se tgħin sabiex il-ħolma ta’ Sor Marija Goretti ssir realtà. Missio Malta jaċċerta ruħu li tfal u l-familji tagħhom f’sitwazzjonijiet simili t’hawn fuq, imxerrda mad-dinja kollha taslilhom l-għajnuna meħtieġa sabiex ikunu jistgħu jirċievu edukazzjoni xierqa. Dan isir billi jintbagħtu flus lill-missjunarji sabiex jipprovdu tagħlim, ikel u mediċini lil dawn l-adulti u tfal. Jekk tixtieq tgħin jew għal aktar tagħrif ċempel lil Missio fuq 2123 6962. Tista’ wkoll tidħol fil-paġna ta’ Facebook Missio Malta jew iżżur is-sit www.missio.org.mt Grazzi mill-qalb tad-donazzjonijiet tiegħek.


Gwida.mt